Filmat | Vella jappella għal mekkaniżmu permanenti biex il-piż tal-immigrazzjoni jinqasam

Dan waqt laqgħa li kellu mal-President Taljan Sergio Mattarella

Fl-ewwel laqgħa bilaterali mal-President Taljan Sergio Mattarella, il-President George Vella tkellem fuq iktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi ġirien biex jiġu indirizzati l-problemi li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Mediterran, partikolarment fejn tidħol l-immigrazzjoni.

George Vella appella dwar il-bżonn ta’ mekkaniżmu permanenti biex jinqasam il-piż bejn il-pajjiżi Ewropej meta jiżviluppaw każi ta’ dgħajjes bl-immigranti fil-Mediterran.

Il-President Vella tenna li l-awtoritajiet Maltin jinsabu ħerqana li jaħdmu id f’id ma’ dawk Taljani biex jiġu indirizzati d-diversi temi u l-interessi komuni bejn iż-żewġ naħat. 

Il-President ma' Luigi di Maio, Kap tal-Movimento Cinque Stelle u Ministru għall-Affarijiet Barranin
Il-President ma' Luigi di Maio, Kap tal-Movimento Cinque Stelle u Ministru għall-Affarijiet Barranin

Fost is-suġġetti li tqajmu, iż-żewġ kapijiet ta’ stat semmew l-aħħar żviluppi fil-Libja, fl-Afrika ta’ Fuq, u fil-kontinent Afrikan b’mod ġenerali, u kif dawn għandhom effett mhux biss fuq Malta u l-Italja, iżda wkoll fuq l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. 

Is-sitwazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewopea ġiet diskussa fit-tul. 

Għal din il-laqgħa l-President Vella kien akkumpanjat minn delegazzjoni li fost l-oħrajn kienet tinkludi lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.

More in Politika