'Ir-rapport tal-Moneyval juri li dak illi bnejna mas-snin issa mhedded' - DeMarco

Mario DeMarco jfakkar f'każi diversi fosthom il-liċenzja lill-Bank PIlatus u "n-nuqqas ta' ħeġġa biex jintemmu investigazzjonijiet dwar każijiet ta' ċerta portata, każijiet ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu nies qrib tal-Gvern"

Il-kelliema fil-Konferenza tal-Partit Nazzjonalista
Il-kelliema fil-Konferenza tal-Partit Nazzjonalista

“Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Moneyval huma serji u juru kif minħabba n-negliġenza u n-nuqqas ta' azzjoni konkreta tal-Gvern, dak li bnejna matul is-snin bis-saħħa tar-reputazzjoni tajba li kellu pajjiżna, issa jinsab mhedded.”

Hekk sostna l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario Demarco f’koneferenza tal-Aħbarijiet flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija Kristy Debono wara li ġie ppubblikat ir-rapport sħiħ tal-Moneyval dwar Malta, li jikkonkludi kif il-Gvern mhux jimplimenta b'serjetà azzjoni konkreta kontra l-ħasil tal-flus.

Mario de Marco qal li mir-rapport tal-Moneyval, li huwa kumitat magħmul mill-esperti, pajjiżna weħel fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u għalhekk istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej bdew jagħmlu l-mistoqsijiet dwar il-mod li bih il-Gvern qed jibqa' ma jieħux azzjoni biex isaħħaħ bil-fatti l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. “Ir-rapport jirrimarka wkoll in-nuqqas ta' ħeġġa biex jintemmu investigazzjonijiet dwar każijiet ta' ċerta portata, każijiet ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu nies qrib tal-Gvern. Dan ukoll minħabba l-għemil tal-Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna, li suppost li qegħdin hemm biex jiddefendu lin-nies u mhux l-aġir u n-nuqqas ta' azzjoni tal-Gvern.,” sostna DE Marco.

Huwa elenka lista ta’ każijiet li jgħid illi dwarhom l-awtoritajiet ma setgħux jaqdu dmirhom. Fosthom semma: Il-liċenza li ngħatat lill-bank Pilatus biex jaħdem f'Malta, in-nuqqas ripetut tal-MFSA li tieħu azzjoni fuq il-bank Pilatus minkejja rapporti ta' ksur tar-regolamenti bankarji u l-ebda azzjoni fir-rigward tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fuq il-każ tal-Panama ui kumpaniji li kienu fetħu fil-Panama, fost oħrajn.

Kristy Debono qalet li l-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm gravi fuq pajjiżna u l-ekonomija tagħna, speċjalment fuq is-settur finanzjarju, tas-servizzi finanzjarji u l-igaming.

“Sfortunatament matul dawn l-aħħar sitt snin rajna każ wieħed wara l-ieħor fejn il-Prim Ministru għażel li jibqa' jiddefendi l-ħażin u lil min iwettaq il-ħażin,” sostniet Debono.

More in Politika