'Aħjar nigdeb milli ngħid li għandi żewġ ommijiet għax inkun eskluż u bbuljat'

Tfal ta' koppji tal-istess sess ħafna drabi jħossu li aħjar jigdbu dwar il-familja tagħhom biex ma jkunux ibbuljati jew esklużi l-iskola -  Rainbow Families Network 

Tfal ta' koppji tal-istess sess ħafna drabi jħossu li aħjar jigdbu dwar il-familja tagħhom biex ma jkunux ibbuljati jew esklużi l-iskola.  

Din l-informazzjoni ngħatat f'konferenza tal-aħbarijiet mmexxija mir-Rainbow Families Network li mmarkat il-Malta Pride Week li se tilħaq il-qofol tagħha nhar is-Sibt li ġej

Il-koordinatur uxxenti tar-Rainbow Families Network Mariza Farrugia qalet illi tfal ta' familji LGBTIQ iħossuhom inviżibbli u jixtiequ li l-istrutturi tal-familja tagħhom tkun rikonoxxuta. 

Rainbow Families Network kienet imwaqqfa biex tagħti spazju sigur fejn familji LGBTIQ jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f'post sigur u 'l bogħod mill-preġudizzju. 

Sal-lum, 36 ġenitur u 30 tifel u tifla minn orjentazzjonijiet differenti sabu għajnuna minn dan in-network u waħda mill-kwistjoniiet li qamet ripetutament kienet l-ibbuljar, flimkien ma' prattiċi skolastiċi li qed iħalluhom emarġinati.

Waqt laqgħa li Rainbow Families Network kellhom mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, it-tfal spjegaw kif l-għalliema ġieli ma jindirizzawx kummenti bħal 'kemm int gay!' jew 'kemm int sissy!' u dan iġiegħlhom iħossuhom ibbuljati, beżgħana u mingħajr vuċi. . 

Żgħażagħ trans ukoll iħossu li mhux  qed isir biżżejjed min għalliema jew kapijiet ta' skejjel biex l-ibbuljar ikun indirizzat. 

Il-Koordinatur tar-Rainbow Families Colette Farrugia Bennett qalet illi din l-organizzazzjoni tat opportunità li l-vuċijiet ta' dawn il-persuni jinstemgħu. Farrugia Bennett qalet illi huwa ta' sodisfazzjon illi qed isir taħriġ lill-edukaturi u professjonisti li jaħdmu fi skejjel indipendenti, tal-Knisja u tal-istat, biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw ir-realtajiet tal-lum. 

Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca qalet illi Malta mexxiet il-bidliet fis-settur LGBTIQ imma saħqet illi biex ikollna soċjetà aktar inklussiva jeħtieġ ikollna proċessi ta' djalogu. 

 

More in Politika