Delia jgħid li l-PN se joffri pjan ekonomiku fit-tul li mhux ibbażat fuq iż-żieda fil-popolazzjoni

Il-Kap Nazzjonalista insista li l-pjan ekonomiku tal-Gvern qed joħloq il-faqar 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed joffi pjan ekonomiku fit-tul li se jkun mibni fuq is-sostenibilità u li jqassam il-ġid b'mod ġust bejn kulħadd.

Delia qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza attività fil-Mellieħa bħala parti mill-attivitajiet li qed ifakkru il-55 anniversarju tal-Indipendenza.

Fid-diskors qasir tiegħu, Delia kkritika lill-Gvern għax fi kliemu, l-uniku road map li kellu kienet li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni.

“Din in-nuqqas ta' vizjoni wasslet għal impatt negattiv fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Konġestjoni tat-traffiku, arja maħmuġa, problema bl-iskart, densità kbira u nuqqas ta' spazji miftuħa, kirjiet għoljin, għoli fil-prezz tal-propjetà, sfreġju ambjentali, żvilupp bla pjan, pagi baxxi, cheap labour u sfruttament tal-barranin,” saħaq Delia. “Dan huwa gvern li jaħseb biss short term.”

Huwa kompla jgħid li l-Gvern qed jinjora n-numru ta' karozzi dejjem jiżdiedu fit-toroq u l-arja maħmuġa li qed tikkawża mard respiratorju u mwiet. 

“Il-Gvern lanqas ma qies l-effett fuq l-infrastruttura u t-trasport pubbliku,” insista l-Kap Nazzjonalista.

Tkellem ukoll dwar il-kirjiet u saħaq kif iż-żieda fil-popolazzjoni wasslet biex splodew il-prezzijiet tal-kirjiet

Insista li l-istess mudell ekonomiku, wassal għal bosta proġetti bla pjan u inkonvenjent kbir maħluq minn siti ta' kostruzzjoni u kien hawn ħeġġeġ fuq pjan fit-tul.

“Għax il-Gvern ma ppjanax issa hemm problema fejn dan jintrema' li qed iwassal għall-abbuż kif żvelat fil-midja,” saħaq Delia.

Dwar ix-xogħol qal li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni ħalliet ukoll effett fuq il-pagi tal-ħaddiema.

“Dan irid jittieħed ukoll fil-kuntest tal-morsa doppja li qed jispiċċaw fiha ż-żgħażagħ u l-ħaddiema biċ-cheap labour u l-prezzijiet li dejjem jogħlew fosthom il-prodotti bażiċi u l-fuels, u aktar nies qed jispiċċaw b'inqas flus fil-but,” qal Delia.“Mudell ekonomiku li qed ikabbar il-faqar u jwassal għal sfruttament tal-barranin b'kundizzjonijiet li mhux aċċettabbli.”

Kien hawn li Delia għalaq is-diskors tiegħu jisħaq li l-Partit Nazzjonalista se joffri pjan fit-tul u ekonomija sostenibbli li tqassam il-ġid b'mod ġust, pagi tajbin, jerġa' jpoġġi l-ambjent fuq l-aġenda u jassigura ħajja b'dinjità lil kulħadd. 

More in Politika