Ir-residenti ta' Santa Luċija jridu li jiefaq ix-xogħol sakemm isir studju fuq l-oqbra misjuba

Ir-residenti wrew it-tħassib tagħhom għax Infrastructure Malta ma infurmatx lill-pubbliku mill-ewwel b’din is-sejba

Residenti ta’ Santa Luċija laqgħu l-aħbar li l-awtoritajiet kkonfermaw is-sejba ta’ fdalijiet arkeoloġiċi waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tal-mini, iżda wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li x-xogħlijiet baqgħu għaddejin.

Fi stqarriija, in-Network Save Sta Luċija Open Spaces qed jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu x-xogħlijiet sakemm tkun konkluża l-evalwazzjoni arkeoloġika li għaddejja bħalissa.

Ilbieraħ, Infrastructure Malta kkonfermaw is-sejba waqt li ġie spjegat li saru xi bidliet fir-rotta minn fejn kellu jgħaddi l-elettriku għall-mini, bil-għan li l-fdalijiet ma jkunux affettwati.

In-Network jinsab ukoll imħasseb għax Infrastructure Malta ma infurmatx lill-pubbliku mill-ewwel b’din is-sejba u kienu ċittadini li ndunaw bis-sejba.

Ir-residenti qed jitolbu lill-awtoritajiet biex jippubblikaw id-dettalji dwar din is-sejba, li x’aktarx tinkludi wkoll oqbra.

Appellaw lill-awtoritajiet biex jassiguraw li kemm NGOs u anke l-midja jkollha aċċess għas-sit.

More in Politika