Dun David jikkritika l-għażla ta' Abdalla Kablan għad-diskors annwali ta' Jum il-Vitorja

Ifakkar u jisħaq li l-antenati tiegħu ġew iwaddbu l-bombi fuq il-Maltin

L-għażla tal-espert tal-Fintech Abdalla Kablan għad-diskors annwali ta’ Jum il-Vitorja, waqt iċ-ċerimonja fuq il-Monument tal-Assedju, ma tantx niżlet tajjeb ma’ Dun David Muscat, is-saċerdot f’nofs kontroversja wara li kien deher jiċċelebra f’għeluq snin Norman Lowell.

Ilbieraħ, Dun David, akkumpanjat minn għadd ta’ segwaċi ta’ Lowell, mar quddiem dan il-Monument biex jikkritika l-għażla ta’ Abdalla, waqt li fakkar li “l-antenati tiegħu” tefgħu l-bombi fuq il-Maltin.

Huwa ddeskriva lil Kablan bħala rappreżentant “tal-Alla tal-Flus” li fi kliemu, il-pajjiż qed jagħti qima.

Kablan li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Delta Summit, tul id-diskors tiegħu, qabel ir-rebħa tal-Maltin fl-Assedju l-Kbir mas-suċċess li l-pajjiż qed jagħmel l-industrija tat-teknoloġija.

Wara li b’ton sarkastiku kkritika l-mexxejja tal-pajjiż li kienu lebsin puliti lesti biex jisimgħu d-diskors ta’ Kablan, Dun Muscat saħaq li l-uniku raġuni għalfejn intagħżel Kablan kienet għax Malta qed tadura aktar il-flus milli lil Alla.

Huwa insista li Kablan ma jifhem xejn dwar l-Assedju l-Kbir għax fi kliemu, dak li għaqqad lill-Kavallieri u lil Maltin ma kinux il-finanzi, iżda l-fidi.

Dwar il-kummenti ta’ Dun Muscat irreaġixxa l-Prim Minstru li fuq Twitter faħħar mhux biss id-diskors ta’ Kablan iżda insista li kien hu stess li għażlu biex jagħmel dan id-diskors. 

Kablan ukoll irreaġixxa, anke jekk b’mod indirett, għall-kummenti ta’ Dun David u ddeskrivihom bħala “razzisti” u mimlija “gideb.”

L-Arċisqof Charles Scicluna kien irreaġixxa għall-kummenti ta’ Dun David meta attenda għar-riċeviment f'għeluq snin Lowell u kien iddisassoċja ruħu mill-ideoloġiji “ta’ mibegħda.”

Minkejja dan, l-Arċisqof għadu ma kkummentax dwar l-aħħar diskors ta’ Dun David u lanqas ħa azzjoni kontrih.

More in Politika