Intervista | ‘Poġġejna isem Malta fuq il-mappa u n-nies joħduna bis-serjetà

Ismu sar sinonimu mad-dinja tat-teknoloġija. Iżda inkwetat fuq kumpaniji li qed ixolju? U għalfejn il-banek għandhom jadattaw? L-ILLUM tintervista lis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri. Ritratt ta' James Bianchi
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri. Ritratt ta' James Bianchi

Portafoll wiesa’ iżda l-aktar imfaħħar u rikonoxxut minħabba l-ħidma tiegħu fis-settur tat-teknoloġiji ġodda b’mod speċjali l-blockchain. 

Din il-ġimgħa l-ILLUM intervistat lis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri, li tista’ tgħid sar sinonimu ma’ din id-dinja vibranti, eċitanti u mimlija potenzjal. 

Mal-ILLUM Schembri jiżvela l-aħħar ħidmiet f’dan is-settur, l-isfidi tal-portafoll tiegħu u l-kwistjonijiet varji li jduru madwar dawn l-istess teknoloġiji.

Nibda din l-intervista billi nistaqsih mistoqsija diretta fuq il-portafoll tiegħu. 

X’qanqal lill-Gvern sabiex jinfiltra n-niċċa tal-blockchain? Huwa jkun pront jispjega kif dan il-portafoll tfassal lura għall-2017. 

“Il-portafoll jinkludi s-servizzi finazjarji, l-innovazzjoni u l-ekonomija diġitali. Qabel dawn kienu parti minn Ministeri differenti fosthom tal-Edukazzjoni, Finanzi u Ekonomija. Iżda f’din il-leġiżlatura għaqqadniehom flimkien taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru sabiex naraw aktar interazzjoni bejn is-setturi differenti u noħolqu niċeċ ġodda.”

Huwa jkompli jgħid li bħala waħda mill-ewwel inizjattivi, is-Segretarjat tefa’ ħarstu fuq is-settur tal-blockchain. 

“Bdejna billi identifikajna s-settur tal-blockchain u rnexxielna nwaqqfu leġiżlazzjoni. Konna l-ewwel pajjiż fid-dinja li ħloqna qafas regolatorju. Ma kinitx faċli għaliex ma kinitx teżisti, iżda konna innovattivi u rnexxielna niġbdu l-ammirazzjoni ta’ ammont kbir ta’ operaturi minn madwar id-dinja li interessaw ruħhom u ġew Malta,” sostna Schembri.

Ninsab informat b’xi tliet kumpaniji li s’issa għalqu. Skont l-aħħar figuri mill-MFSA, f’Malta hawn 700 kumpanija differenti f’dan il-qasam. Ma tistax tiġbor kollox f’daqqa

Mistoqsi dwar x’inhi l-akbar sfida f’dan il-portafoll, huwa jisħaq li l-akbar sfida tibqa’ dik tat-talent. “Hemm bżonn nies b’ċertu ħiliet li jaħdmu f’dawn it-teknoloġiji ġodda. Hawn nuqqas kbir fuq livell Ewropew u Dinji jekk tidħol fuq il-qasam tat-teknoloġija, hemm skills li huma rari u dik hi l-akbar sfida. 

Il-vantaġġ pożittiv hu li ħafna mill-iskills ta’ dan il-qasam huma trasferibbli. 

Jiġifieri jekk xi ħadd jaħdem fil-gaming diġà għandu ħafna għarfien biex jaħdem fis-settur tal-Artificial Intelligence jew Blockchain, kulma jkollu bżonn hu ‘top-up course’.”

Daqshekk Blockchain Island jew din spin politika?

Dlonk nistaqsih hux inkwetanti l-fatt li xi kumpaniji tal-blockchain qed jagħlqu hekk kif riċentament il-kumpanija Coinone Global Exchange, kumpanija mill-Korea t’Isfel, ħabbret li se tagħlaq l-operat tagħha f’Malta f’Settembru li ġej. 

Hu jirrispondi u jgħid, “ninsab informat b’xi tliet kumpaniji li s’issa għalqu. 

Skont l-aħħar figuri mill-MFSA, f’Malta hawn 700 kumpanija differenti f’dan il-qasam. Ma tistax tiġbor kollox f’daqqa. 

Din hi normali f’industrija ġdida u anke fl-industrija wiesgħa inġenerali, mhix xi ħaġa kbira,” sostna Schembri.

Apparti minn dan, hu qal ukoll li ċertu kumpaniji qed jagħlqu u jmorru pajjiżi oħra minħabba r-regolamenti robusti ta’ Malta. “Hemm kumpaniji li qed imorru l-Estonja, li mxiet fuq il-passi tagħna, iżda naqqset rekwiżit importanti - dak tal-fondi kapitali.”

Huwa kompla jispjega kif sabiex kumpanija li topera f’dan il-qasam tiftaħ f’Malta jeħtieġ li jkollha minn tal-anqas €750,000 f’kapital, iżda kif fl-Estonja din hi aktar miftuħa. “Fl-Estonja dan ir-rekwiżit hu ta’ €2,500 jiġifieri prattikament miftuħa għal kulħadd. Jekk kumpanija mhix kapaċi jkollha €750,000 f’kapital u trid ‘tilgħab’ bi flus in-nies,  jiena mhux se naċċettaha.”

Fuq l-istess nota huwa nsista li bħala pajjiż sejrin tajjeb ħafna ekonomikament u għalhekk ma rridux nagħmlu xi ħaġa biex nieħdu lura l-frott f’qasir żmien iżda li mbagħad erba’ snin oħra jiddispjaċina.

‘Blockchain u crypto currencies huma differenti’

Mal-ILLUM Schembri jagħżel li jenfasizza d-differenza bejn blockchain u crypto currencies. “Aħna tawna t-titlu ta’ Blockchain Island u mhux Crypto Island. 

Qed naħdmu l-aktar għat-teknoloġija u mhux il-muniti diġitali. Eżempju Zuck, belt fl-Isvizzera, ħadet it-titlu ta’ ‘Crypto Valley’ għaliex tiffoka fuq din it-teknoloġija.”

Huwa żied jgħid li fil-futur qrib il-pubbliku se japprezza l-benefiċċji ta’ din it-teknoloġija, b’eżempju wieħed ikun fis-settur tal-edukazzjoni fejn iċ-ċertifikati kollha se jkunu fuq il-blockchain u b’hekk aktar aċċess garantit u bla ebda possibbiltà li jintilef. 

Iżda mhux biss, hekk kif bl-użu tal-istess teknoloġija, sal-aħħar ta’ din is-sena r-reġistru tal-kumpaniji se jkun kollu fuq is-sistema blockchain u Artificial Intelligence, b’aċċess 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa.

Iżda jekk din it-teknoloġija se tibqa’ magħna u tintensifika ruħha, x’qed isir biex nedukaw lill-pubbliku ġenerali dwarha? 

Huwa jirrispondi u jgħid, “bdejna b’kampanja edukattiva ta’ lingwaġġ li jinftiehem minn kulħadd u li jispjega dan il-kunċett. Apparti minn hekk, qed noffru programmi edukattivi fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta. Apparti li emendajna numru ta’ korsijiet biex jibdew jinkludu modules b’rabta ma’ din id-dinja.”

X’se naraw fl-edizzjoni li jmiss tad-Delta Summit?

Naqilbu ftit id-diskors u nitkellmu dwar l-avveniment annwali ‘Delta Summit’ li qiegħed dejjem iżid fil-popolarità u l-konkorrenza internazzjonali. 

Staqsejt lil Schembri biex jiżvela dettalji dwar dan l-avveniment li se jkun qiegħed jittella’ bejn it-30 ta’ Settembru u s-6 ta’ Ottubru li ġej.

“Delta Summit sar parti integrali mill-missjoni ta’ dan il-Gvern sabiex juri l-inizjattivi u l-avvanzi tiegħu fis-settur tat-teknoloġija u innovazzjoni,” qal Schembri.

Ninsab kuntent fil-kariga li għandi, nieħu gost naħdem fiha, u se nibqa' naħdem sabiex inġib riżultati, m’hemm l-ebda aspirazzjonijiet partikolari

Żied jgħid li fl-edizzjoni ta’ din is-sena s-summit se jespandi aktar u jiffoka wkoll fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Internet of Things IOT, l-eSports u l-iżvilupp tal-logħob. Skontu, dan se jagħmel lil Malta post attraenti għal kull min irid jitgħallem dwar l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u l-innovazzjoni. Fuq l-istess suġġett Schembri nsista li din is-sena se jnaqqxu tragward ieħor u qed jimmiraw li jaqbżu t-8,000 parteċipant.

“It-tema ewlenija għal din is-sena hi “Big & Better” li hi marbuta ma’ kull aspett tas-summit fosthom loġistika u operazzjoni. Fil-fatt din is-sena se nkunu qed intellgħu dan is-summit ġewwa l-MFCC, l-akbar post ta’ konferenzi f’Malta,” kompla jispjega s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.

‘Banek lokali kienu taħt skrutinju kbir’

Naqilbu ftit id-diskors u nistaqsih biex jerġa’ jelabora fuq kritika li kien għamel huwa stess riċentament fil-konfront ta’ banek lokali. 

Għalfejn ħass il-ħtieġa li jagħmel din il-kritika? Huwa jibda jirrispondi u jgħid li l-klima politika ħolqot kultura ta’ skrutinju għall-banek lokali kollha.

“Fost l-oħrajn kien hemm il-pressjoni politika fuq livell Ewropew b’ħafna opponenti politiċi jħambqu li aħna magna ta’ ħasil ta’ flus u mafja sħiħa. Saħanistra, l-Awtoritá Bankarja Ewropea kienet bdiet tinvestiga kull ‘talba’ li bdew jagħmlu dawn l-istess politiċi. Awtomatikament il-banek bdew iżommu pass lura u ma daħlux f’industriji b’riskju għoli bħalma huma iGaming, Fintech u servizzi finanzjarji,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

Huwa jkompli jgħid li, “is-settur kollu kien taħt skrutinju kbir u l-pajjiż sħiħ kien taħt lenti, kellek ukoll banek internazzjonali li bidlu l-policy tagħhom u bdew iċekknu. Imbagħad kellek il-kwistjoni tal-Bank of Valletta li fuq livell Ewropew huwa bank żgħir però lokalment huwa l-bank prinċipali ta’ Malta u li ma setax jerfa’ l-piż kollu għat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.”

Fl-aħħar nett huwa qal ukoll li l-ftuħ ta’ kontijiet bankarji għall-persuni barranin kienet problema kbira, li spiċċa biex daħal huwa fiha. 

“Kont laqqajt il-banek għaliex kelli l-informazzjoni li l-banek bdew jirrifjutaw il-ħolqien ta’ kontijiet għall-ebda raġuni li hi ksur tad-direttivi Ewropej. B’hekk intervjenejt u minn dakinhar ’l hawn l-affarijiet inbidlu. Madanakollu hemm bżonn ta’ aktar banek, l-MFSA qed tipproċessa numru ta’ liċenzji ġodda ta’ banek,” żvela Schembri.

Fi tmiem din l-intervista nistaqsi lil Schembri dwar l-aspirazzjonijiet politiċi tiegħu. 

Huwa kien pront jgħid:“Ninsab kuntent fil-kariga li għandi nieħu gost naħdem fiha, u se nibqa’ naħdem sabiex inġib ir-riżultati, m’hemm l-ebda aspirazzjonijiet partikolari,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

More in Politika