Zammit Lewis irid lill-privat jippubblika l-pagi ... imma min iħaddem ma jridx

Il-Ministru l-ġdid tal-Ugwaljanza jgħid mal-gazzetta ILLUM li se jkun qed jimbutta l-'Pay Transaprency', imma l-MEA, l-GRTU u l-Kamra tal-Kummerċ ma jaqblux li dan isir

EEdward Zammit Lewis  (Lemin)
EEdward Zammit Lewis (Lemin)

Mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru għall-Ugwaljanza u Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis, ħabbar illi fiż-żmien li ġej se jkun qed iħabbar b’mod uffiċjali, l-intenzjoni tal-Gvern illi jintroduċi dik li tissejjaħ ‘Pay Transparency.’ Din tfisser li jkun hemm trasparenza f’kemm jitħallsu l-ħaddiema, bil-Gvern jew id-Dipartiment tar-Relazzjoni industrijali u l-Impjieg ikollhom aċċess għall-informazzjoni ta’ kemm ħaddiema f’post tax-xogħol jaqilgħu paga skont il-kariga.

Dan ifisser illi tinħadem sistema, viċin għal dak li jiġri fost ħaddiema taċ-ċivil li jitħallsu dejjem skont l-iskala u mhux skont kemm jiddeċiedi impjegatur. Pereżempju, jekk mara tapplika għall-kariga ta’ Junior Manager f’kumpanija tas-servizzi finanzjarji fejn l-irġiel jitħallsu €2,500 fix-xahar din jeħtieġ titħallas l-istess, daqs il-Junior Managers irġiel.

Zammit Lewis sostna li huwa inkwetanti illi f’diversi pajjiżi oħrajn tal-UE, id-differenza bejn kemm taqla’ mara u kemm jaqla’ raġel qed tonqos filwaqt li dik f’Malta qed tiżdied.

Nisa u irġiel. Imma mhux kulħadd jitħallas l-istess.
Nisa u irġiel. Imma mhux kulħadd jitħallas l-istess.

“Li qed ngħidu hawn huwa li l-istruttura tal-kumpanija bil-ħlas għal kull parti minn dik l-istruttura tkun pubblika. Meta qed ngħidu pubblika ma jfissirx xi ħadd kurjuż jaqbad u jmur jiċċekkja, ifisser li jkunu f’reġistru f’dipartiment fejn l-informazzjoni tkun disponibbli.”

Ammetta li se jkun hemm reżistenza għal din ir-riforma għax se tneħħi l-flessibilità li impjegatur iħallas lill-ħaddiem skont kif irid hu b’mod differenti għall-istess xogħol u għax il-Gvern se jitfa’ obbligu addizzjonali fuq l-impjegaturi.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi għaqdiet li jirrappreżentaw impjegaturi u forsi mingħajr wisq sorpriża ħadd minnhom ma wera xi eċitament kbir għal din il-miżura.

‘Diġà hemm leġiżlazzjoni… m’hemmx bżonnha’

 Fil-fatt ma’ din il-gazzetta l-President tal-Malta Employers’ Association (MEA) Joseph Farrugia sostna illi sakemm kumpanija tkun qed topera b’mod legali u tħaddem lin-nies skont il-liġi ma jara ebda raġuni għalfejn għandha tikxef l-istruttura tal-pagi tagħha. Din il-gazzetta tistaqsi lil Farrugia jekk jaħsibx li fil-fatt din is-sistema tgħin biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Hu jisħaq imma illi diġà hemm leġiżlazzjoni li tkopri ilmenti ta’ pagi differenti għall-istess xogħol fl-istess kumpanija u allura reġa’ insista li ma jarax għalfejn kumpanija għandha tikxef l-isturttura tal-pagi tagħha. Farrugia jfakkar ukoll li wieħed irid jara kif se taħdem sistema bħal din u hawn ifakkar illi l-pagi fil-privat jinbidlu l-ħin kollu. “Allura x’nagħmlu? Noqogħdu mmorru d-dipartiment inbiddlu n-numri kull darba?” staqsa Farrugia.

Din il-gazzetta għamlet kuntatt ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Hotels and Restaurants Association Andrew Agius Muscat, li żamm xi ftit lura milli jesprimi ruħu f’dan l-istadju. “Irridu nkunu nafu d-dettalji tagħha qabel nitkellem. Trid tara diversi aspetti bħall-privatezza pereżempju jew inkella kwistjoni ta’ kompetizzjoni.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat

Intant mal-ILLUM il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li filwaqt illi l-proposta jaf tidher sabiħa fuq il-karta din taf toħloq sfidi għall-kumpaniji kif ukoll għall-impjegati nfushom. “Għalhekk il-Kamra tal-Kummerċ tħalli materji bħal dawn f’idejn il-membri tagħha sabiex isibu bilanċ aċċettabbli mal-partijiet kollha, fir-rispett tal-liġi u ’l bogħod minn kull tip ta’ diskriminazzjoni potenzjali.”

Finalment din il-gazzetta tkellmet mad-Deputat President tal-GRTU Philip Fenech li bħall-impjegaturi l-oħrajn wera illi l-GRTU ma tantx hija xi eċitata bil-prospett ta’ Pay Transparency f’pajjiżna.”

“Il-pagi huma materja privata ħafna. Id-dħul ta’ persuna ġeneralment mhuwiex imxerred u ppubblikat. Kulħadd huwa intitolat għall-privatezza fuq il-kwistjoni.”

Fenech qal illi għalkemm il-GRTU taf bi ftit biss kumpaniji li jħaddmu l-Pay Transparency, dan ma jfissirx jew ma jimplikax illi dan qed jaħbi xi att ħażin jew illegali. “Fil-fatt, ħafna kumpaniji huma parti minn inizjattivi, bħal pereżempju l-Eqaulity Mark, illi permezz tagħha hemm skrutinju tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol,” qal Fenech.

Kompla jistaqsi jekk hux sew li ma jkunx hemm differenza fil-paga bejn min imur ix-xogħol bil-ħeġġa u min imur ta’ bilfors. Staqsa jekk hux sew li ma jkunx hemm differenza bejn min huwa iktar ikkwalifikat jew ħa korsijiet u min le, bejn min għandu l-passjoni u jieħu l-inizjattiva u min le.

Id-Deputat President tal-GRTU Philip Fenech
Id-Deputat President tal-GRTU Philip Fenech

U fl-Unjoni Ewropea x’inhu jiġri?

Din il-gazzetta tat ħarsa lejn rapport tal-Kummissjoni Ewropea ‘Pay Transparency in the EU’ li jitratta din il-prattika f’numru ta’ pajjiżi, fosthom fl-Awstrija u l-Iżlanda.

Huma tliet pajjiżi biss li introduċew id-dritt li ħaddiem jistaqsi għal informazzjoni fir-rigward ta’ livelli ta’ paga skont il-ġeneru għall-istess xogħol, tal-istess valur. Ir-rapport tal-istess Kummissjoni jgħid illi l-‘pay transperncy’ hija essenzjali għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol u tista’ tikxef ukoll ċertu strutturi ta’ paga li jiffavorixxu aktar l-irġiel. Minkejja dan, tajjeb wieħed jinnota illi fl-Awstrija, pereżempju, dan id-dritt jgħodd għal kumpaniji b’tal-inqas 150 ħaddiem, filwaqt li fil-Belġju u fi Franza dan id-dritt jgħodd għal kumpaniji b’mill-inqas 50 ħaddiem.

Dan filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jgħidu illi: ‘Stati Membri għandhom iwettqu miżuri illi jassiguraw li impejgaturi ta’ kumpaniji b’mill-inqas 50 ħaddiem jinfurmaw b’mod regolari lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom bil-ħlas medju ta’ kull kategorija ta’ ħaddiem jew pożizzjoni, skont il-ġeneru.’

Din allura tpoġġi mistoqsija interessanti f’dak li għandu x’jaqsam implimentazzjoni fuq bażi lokali, fejn ħafna kumpaniji speċjalment dawk marbuta mal-bejgħ bl-imnut, ristoranti u ħafna oħrajn huma żgħar u jħaddmu inqas minn 50 persuna.

Ir-rapport jgħid illi hemm diversi ostakli (oħrajn) biex tkun imwettqa din il-miżura. Dawn huma: il-protezzjoni tad-data, klawżoli fil-kuntratt tax-xogħol li jgħidu illi ħaddiem ma jistax jikxef kemm jaqla’ bħala paga, amministrazzjoni fqira ta’ riżorsi umani, nuqqas ta’ għarfien u l-fatt li din ma tkunx prijorità għall-unjins. Finalment waħda mill-akbar problemi hija s-sensittività kulturali fejn jirrigwarda pagi u dħul ta’ persuna.

U Malta tissemma?

Iva, Malta tissemma darba fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport jgħid li f’pajjiżi fejn l-istrutturi ta’ fethim kollettiv għall-ħaddiema huma b’saħħħithom m’hemmx prijorità li tikkonċerna pagi ugwali fost il-unjins. Hawnhekk ir-rapport isemmi lil Malta mad-Danimarka, il-Portugall u l-Islovenja. Ta’ min jirrimarka li dan huwa l-każ għaliex unjin tinnegozja ftehimiet kollettivi għall-gruppi ta’ individwi f’post tax-xogħol u mhux individwalment u allura meta jsir hekk, ma ssirx distinzjoni bejn ħaddiem mara jew raġel, Malti jew barrani…

X’rakkkomandazzjonijiet adottat il-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pay Transparency?

Il-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjonijiet dwar dan is-suġġett u qed tgħid li kull pajjiż tal-UE jeħtieġ jinkludi mill-inqas rakkomandazzjoni waħda minn erbgħa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma; id-dritt li ħaddiema jkollhom informazzjoni dwar il-livelli ta’ paga għal kartegoriji ta’ xogħol tal-istess xogħol, għall-istess valur. Li kumpaniji b’tal-inqas 50 ħaddiem jinfurmaw lill-ħaddiema tagħhom b’informazzjoni dwar livelli ta’ paga skont il-kategorija ta’ xogħol. Li f’kumpaniji ta’ 250 ħaddiem jew aktar isir awditjar li jinkludi, kemm nisa u rġiel jaħdmu f’pożizzjoni u l-pagi tagħhom u/jew inkella li l-Gvern jara li meta qed isir ftehim kollettiv tkun diskussa l-kwistjoni ta’ paga ugwali.

Naturalment il-Kummissjoni qed tesiġi li dan kollu jsir skont il-liġijiet li jkopru l-protezzjoni tad-data.

U x’inhi l-problema fil-liġi biex din il-miżura taħdem?

Minkejja li l-liġi tal-UE (Artiklu 157 tat-TFEU) tgħid li d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneru fejn jirrrigwarda l-paga hija pprojbita, ħafna drabi huwa l-ħaddiem li jrid jiddikkjara u jikseb il-prova li qed jinkisru d-drittijiet. Minn diversi każi legali fl-UE rriżulta li ħaddiem jista’ jitfa’ r-responsabbilità tal-evidenza fuq l-impjegatur sakemm ikun il-ħaddiem stess li juri illi qed jaqla’ inqas paga minn persuna ta’ sess differenti li tagħmel l-istess xogħol, tal-istess valur.

More in Politika