'L-mudell ekonomiku tal-Gvern qed ipoġġi piżijiet kbar fuq il-familji u l-ħaddiema Maltin' jgħid il-PN

L-istqarrija ffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo għamlet referenza wkoll għall-kumitat Parlamentari dwar l-abbozz ta' liġi dwar il-kirjiet

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkritika lill-Gvern għaliex skontu, "l-mudell ekonomiku li miexi bih dan il-Gvern, qed ipoġġi piżijiet kbar fuq il-familji u l-ħaddiema Maltin."

"L-prezzijiet tal-affarijiet l-aktar bażiċi bħal ikel u fjuwil qed dejjem jiżdiedu," beda biex jgħid il-PN, "din hi problema kbira li qed tpoġġi piż finanzjarju fuq il-familji u l-ħaddiema huma l-kirjiet dejjem jogħlew."

L-istqarrija ffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo għamlet referenza wkoll għall-kumitat Parlamentari dwar l-abbozz ta' liġi dwar il-kirjiet. "Il-PN qed iressaq diversi proposti kif fosthom Inizjattivi legali li jwieżnu lil min qed jikri, u jagħtuh aktar sigurtà fit-tul, u politika serja li tippjana fit-tul."

"Fost l-inizjattivi legali għandu jiġi kunsidrat kirjiet itwal, sabiex jipproteġu aħjar lill-familji mill-biża' li jitkeċċew u jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Saru komuni każijiet fejn kirjiet jisplodu 'l fuq ħabta u sabta, u dan ipoġġi piż finanzjarju, ħafna drabi impossibbli li jinġarr, mill-familji u l-ħaddiema," qalet l-istqarrija.

Żied jgħid li "l-piż finanzjarju tal-kirijiet qed jinħass mhux biss minn min qiegħed fuq pagi baxxi iżda anke fuq dawk li għandhom pagi meqjusin bħala diċenti."

Fid-dawl ta' dan, il-PN qal li hemm bżonn ta pjan fit-tul u li skontu, "n-nuqqas ta' pjan fit-tul huwa sintomu ta' Gvern li jħares biss mill-lum għal għada."

"Il-problema tan-nuqqas ta' pjanar fit-tul toħloq problemi kbar fil-pajjiż. Meta jkollok mudell ekonomiku bbażat għal kollox fuq l-importazzjoni ta' ħaddiema barranin, mingħajr pjan, l-effett tiegħu se jinħass b'mod prinċipali fuq il-kirjiet u l-propjetà'. Ħafna Maltin illum qed isibuha diffiċli jsibu kirjiet bi prezzijiet raġonevoli meta mqabbel mal-pagi tagħhom," sostna l-PN.

Fl-aħħar nett il-PN qal li hemm ukoll in-nuqqas tal-Gvern li jibni akkomodazzjonijiet soċjali madwar il-pajjiż. |L-akkomodazzjoni soċjali twieżen, u tagħti saqaf fuq ras min għandu l-aktar bżonn f'pajjiżna. F'dan ir-rigward, il-Gvern ta' Muscat falla."

More in Politika