Il-Gvern iniedi t-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija għal studenti barranin

Studenti barranin se jibdew jitgħallmu l-lingwa Maltija bħala lingwa barranija, kif jiġri bħalissa fl-Ingliż

Bil-Malti? Dalwaqt ...
Bil-Malti? Dalwaqt ...

Il-Gvern illum nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija. F'konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal illi dan huwa pass 'l quddiem biex il-Malti, bħala lingwa barranija jissaħħaħ. 

"It-tfal tagħna jitgħallmu Malti tajjeb, imma anke t-tfal barranin li jiġu pajjiżna jeħtieġ jitgħallmu l-Malti, parti importanti mill-identità tagħna," sostna l-Ministru. 

It-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija se jkun applikabbli biss għall-barranin li jiġu jgħixu Malta. 

Jekk studenti jkollhom inqas minn 16-il sena, biex jitgħallmu l-Malti bħala lingwa barranija huma jew wieħed mill-ġenituri jrid ikollhom karta tal-identità barranija. L-istess jgħodd għal dawk li għandhom iktar minn 16-il sena li iżda ma jistgħux jużaw il-karta tal-identità tal-ġenituri. 

Hija fit-tielet sena, fl-età ta' seba' snin illi jkun deċiz, wara assesjar, jekk l-istudent għandux ikompli l-Malti bħala lingwa barranija. Studenti li ma jkunux jistgħu jitgħallmu l-Malti, jitpoġġew fi klassijiet fejn jitgħallmu l-lingwa bħala waħda barranija. 

Għal dawk bejn 11 u 13-il sena, min ma jilħaqx il-livell mistenni fil-Malti se jkun mgħallem il-lingwa bħala waħda barranija. 

F'livell sekondarju l-istudenti se jkunu mħarrġa biex jakkwistaw ċertifikat fil-Malti bħala lingwa barranija. 

 "Dan huwa s-seklu illi fih il-Maltin qed jiffaċċjaw l-akbar sfidi u allura aħna rridu nsaħħu l-identità nazzjonali tagħna," sostna l-Ministru Bartolo. 

Din l-inizjattiva hija simili għat-tagħlim tal-Ingliż bħala lingwa barranija, li jsir f'diversi skejjel tal-Ingliż madwar Malta. 

More in Politika