Metsola tħeġġeġ lill-Finlandja biex tinsisti għal inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne

Dan waqt dibattitu li ddiskuta l-prijoritajiet tal-Presidenza Finlandiża l-ġdida tal-Kunsill tal-Ewropa

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola talbet lill-Presidenza Finlandiża l-ġdida tal-Kunsill tal-Ewropa biex titlob lill-Gvern Malti biex iniedi inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Metsola qalet dan waqt li tkellmet fil-Parlament Ewropew waqt dibattitu dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza, mal-Ministri Finlandiżi tal-Ġustizzja u l-Intern.

"L-Ewropa rat żewġ ġurnalisti maqtula, jiġifieri Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, it-tnejn maqtula brutalment fi żmien xahar minn xulxin. Il-Kunsill tal-Ewropa insista fuq inkjesta indipendenti li għandha titnieda dan ix-xahar u l-Istati Membri għandhom jissieħbu fis-sejħa biex tkun assigurata ġustizzja wkoll,” saħqet Metsola, li fakkret ukoll li l-iskadenza riesqa lejn tmiemha.

Fit-tweġiba tagħhom il-Ministri qalu li l-protezzjoni tal-istat tad-dritt hija essenzjali f'kull Stat Membru u l-Presidenza se tipproponi mekkaniżmu dwar l-istat tad-dritt u rapport annwali biex tanalizza dan.

Metsola tkellmet ukoll dwar il-migrazzjoniu ħeġġet mill-ġdid dwar il-bżonn ta’sistema li tipprovdi ċertezza għal tfittxija, salvataġġ u żbark hija meħtieġa bil-kbir, flimkien ma' sett konkret ta' miżuri li jippermettu l-qsim tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri kollha. 

"Din mhix sitwazzjoni li tista' jew għandha tiġi ttrattata biss minn Stati Mediterranji bħal Malta, l-Italja, il-Greċja jew Spanja. Hemm ħafna x’ jista’ jsir għax hemm lok għal titjib,” temmet tgħid l-Ewroparlamentari Maltija. 

More in Politika