Il-Gvern ta' Johnson jitlef il-maġġoranza wara li deputat jaqsam il-kamra

F'ittra lil Prim Ministru, Lee qal li m'għadx għandu fiduċja fil-Partit minħabba l-mod ta' kif innegozja l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern imexxi mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson għadu kemm tilef il-maġġoranza parlamentari wara li d-deputat Philip Lee qasam il-kamra u poġġa mal-Oppożizzjoni

Bil-mossa ta' Lee, il-Gvern ta' Johnson m'għadx għandu l-maġġoranza. F'ittra lil Prim Ministru, Lee qal li m'għadx għandu fiduċja fil-Partit minħabba l-mod ta' kif innegozja l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

Johnson kien diġà qed jikkunsidra elezzjoni ġenerali bikrija jekk dawk id-Deputati li jridu jwaqqfu Brexit mingħajr ftehim jirnexxielhom jilħqu maġġoranza fil-Parlament.

Rapporti fuq midja internazzjonali qed jitkellmu fuq diskussjonijiet li għaddejjin f’Downing Street biex il-Gvern jitlob elezzjoni ġenerali bikrija.

Anke jekk ma kien hemm l-ebda deċiżjoni jew kommunikazzjoni dwar dan, ħafna esperti u edituri politiċi qed jisħqu li dan jista’ jitħabbar qabel nhar l-Erbgħa.

Jidher li eks ministri tal-Partit Konservattiv, jiġifieri l-partit ta’ Johnson stess, qed jingħaqdu ma’ dawk tal-Partit Laburista biex iwaqqfu l-ħruġ mingħajr ftehim tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

More in Politika