'Fil-pajjiżi kollha illi fihom għext qatt ma kont trattat hekk ... m'iniex terrorist'

Numru ta' immigranti jmorru lura fil-binja li minnha tkeċċew aktar kmieni din il-ġimgħa stess

"Fil-pajjiżi kollha li kont fihom qatt ma kont trattat b'dan il-mod, anke meta kont f'nofs rewwixti! Jien m'iniex terrorist, Jiena raġel li jaħdem f'ristorant." 

Hekk sostna wieħed mill-immigranti li nhar it-Tnejn kienu mkeċċija minn lukanda abbandunata illi fiha kienu jgħixu ffullati. Din il-binja fi Triq il-Ġifen f'Buġibba qabel kienet sservi ta' skola għal żgħażagħ Russi. 

Jidher illi ħafna minn dawn l-immigranti reġgħu marru lura f'din il-binja għax m'għandhomx fejn joqgħodu, qal wieħed minnhom lill-ġurnal The Times."Xi triduna nagħmlu? M'għandna imkien aktar fejn immorru. Nistgħu norqdu hawn jew norqdu fit-toroq." 

Immigrant ieħor mill-Burkina Faso qal illi huma jridu jibqgħu jgħixu hemmhekk għax dan huwa l-unika post li jafu illi jistgħu jorqdu u jsajru fih. "Għalfejn in-nies bojod jobgħoduna tant?" staqsa. 

Nhar it-Tnejn f'rejd illi sar mill-pulizija aktar minn 100 immigrant inħarġu minn din il-binja, magħrufa bħala l-Paloma Complex f’Buġibba. Din il-binja tinsab f'żona illi fiha hemm numru ta' negozji illi huma mmexxija jew ffrekwentati minn immigranti Afrikani. 

Din hija biss waħda minn kullana ta' sejbiet ta' immigranti f'kundizzjonijiet ħżiena ta' għixien. Fil-Marsa nstabu immigranti jgħixu fi stallel. 

More in Politika