L-Air Malta tfittex għad-danni lill-Assoċjazzjoni tal-Bdoti

L-Air Malta qed tisħaq li l-azzjoni industrijali tal-ALPA kienet waħda illegali u tikser il-ftehim kollettiv

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, fetħet każ kontra l-Assoċjazzjoni tal-Bdoti (ALPA) u l-membri tal-eżekuttiv tagħha, fejn qed titlob lill-Qorti tiddikjara l-azzjoni industrijali tax-xahar li għadda bħala waħda illegali u li tikser il-ftehim kollettiv.

L-Air Malta qed titlob ukoll lill-Qorti biex tordna lill-ALPA biex tħallas għad-danni.

Fl-1 ta’ Lulju, l-Air Malta kienet ressqet mandat ta’ inibizzjoni biex twaqqaf l-azzjoni industrijali tal-ALPA. Il-Qorti, wara li semgħet ix-xhieda, kienet approvat il-mandat.

Madanakollu, f’każ miftuħ quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-Air Malta qed tisħaq li r-raġuni wara l-azzjoni industrijali kienet dwar il-garanziji li l-Assoċjazzjoni u l-membri jridu mill-Gvern dwar il-paga tagħhom.

Minkejja dan, l-ALPA qed tisħaq li l-azzjoni industrijali ssejħet wara sensiela ta’ theddid u anke intimidazzjoni min-naħa tal-Air Malta.

L-Air Malta qed tisħaq kif anke jekk il-problemi bdew fl-2018, hija dejjem fittxet kompromess sensibbli u li tiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni biex jiddiskutu.

Il-Linja tal-Ajru qed tisħaq li fit-28 ta’ Ġunju, iż-żewġ partijiet qablu fuq pożizzjoni komuni dwar il-kwistjonijiet u kien jonqos biss l-iffirmar ta’ emenda fil-ftehim kollettiv.

Minkejja dan, skont l-Air Malta, fl-istess laqgħa, l-Assoċjazzjoni talbet ukoll garanziji fiskali mill-Gvern u kienet qed thedded b’azzjonijiet industrijali.

Il-Gvern ma kienx aċċetta li jagħti dawn il-garanziji, bil-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jkun ċar u sod fil-pożizzjoni tiegħu.

Kien dan li wassal lil ALPA biex issejjaħ azzjoni industrijali li kienet qed tordna lill-bdoti biex itajru l-ajruplani nofsiegħa tard.

Għalhekk, kompliet tisħaq l-Air Malta, ir-raġuni wara din id-deċiżjoni ma kinitx frott nuqqas ta’ qbil mal-Linja Nazzjonali tal-Ajru, iżda dwar talba li saret lis-shareholders tagħha li ma kinitx milqugħa.

Il-Gvern għandu 99% tas-shareholdings fl-Air Malta.

Kien għalhekk, kompliet tgħid l-Air Malta, li l-azzjoni industrijali kienet waħda abbużiva u illegali.

Skont l-ALPA s-sitwazzjoni hija ħafna aktar differenti

Min-naħa tagħha, l-ALPA tat stampa differenti ħafna tas-sitwazzjoni. L-Assoċjazzjoni saħqet kif fis-27 ta’ April, kaptan li kellu jopera titjira minn Malta għal St. Petersburg, ċempel lill-impjegaturi tiegħu, tliet sigħat qabel it-titjira, jisħaq li kien għajjien u ma kienx jiflaħ jopera t-titjira.

Kien dan li wassal għal batibekki bejn l-Air Malta u l-Ewwel Uffiċjal tat-Titjira dwar il-proċeduri li għandhom jittieħdu f’każi simili, bl-istess bdot, aktar tard, ukoll irrifjuta li jtajjar l-ajruplan għax ħassu mhedded.

L-Air Malta terġa’ twieġeb...

L-Air Malta qed tibqa’ tisħaq li ħadd ma hedded lil ħadd u li kulħadd kien qiegħed jagħmel xogħlu.

Insistiet li l-Ewwel Uffiċjal kien biss imwissi dwar il-konsegwenzi li ma jtajjarx l-ajruplan mingħajr raġuni valida.

Fit-18 ta’ Ġunju, xahrejn wara l-inċident, l-ALPA talbet ir-riżenja taż-żewġ impjegati tal-Air Malta li wissew lill-Ewwel Uffiċjal, waqt li heddet b’azzjoni industrijali jekk dan ma jseħħx.

'Riedu biss ipoġġi lill-Gvern dahru mal-ħajt'

Skont l-aħħar ftehim kollettiv, l-ebda azzjoni ma tista’ tittieħed qabel jagħlqu n-negozjati, bl-Air Malta tinsisti li meta ssejħet l-azzjon industrijali d-diskussjonijiet lanqas biss kienu bdew.

Fid-dawl ta’ dan, l-Air Malta qed tisħaq li l-azzjoni industrijali saret biss biex tpoġġi lill-Gvern dahru mal-ħajt bil-għan li jagħti l-garanziji mitluba.

L-Air Malta saħqet li wara d-deċiżjoni tal-Qorti tat-23 ta’ Lulju, is-sitwazzjoni marret għall-agħar, bl-ALPA takkuża lit-tmexxija tal-Air Malta b’numru ta’ allegazzjonijiet.

Minħabba dan kollu, l-Air Malta qed titlob lill-Qorti biex tiddikjara l-azzjoni industrijali bħala waħda illegali u li tikser il-ftehim kollettiv.

More in Politika