'Se jerġa' jkollna baġit li jqassam il-ġid' - Il-Ministru Scicluna

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit għas-sena d-dieħla

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit.

Il-Ministru saħaq li bħall-baġits riċenti, din is-sena l-Gvern se jkun qed jerġa’ jiffoka fuq it-tqassim tal-ġid u għalhekk it-tema se tkun: 'Insostnu t-Tkabbir Inklussiv'.

Fi kliem il-Ministru, dan it-tqassim huwa essenzjali biex ma jkunx hawn problemi morali u politiċi.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għamel referenza lejn għadd ta statistiċi ekonomiċi Ewropej u domestiċi. Fost dawn, semma l-istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar il-faqar.

"Jingħad ħafna fuq familji u individwi fil-faqar. Kemm hi tajba jew ħażina s-sitwazzjoni tajjeb li nikkomparaw ma’ pajjiżi oħra. Skont l-istatistika tal-UE, ir-rata ta’ faqar f'Malta niżlet minn 25% għal 19%," insista l-Ministru.

Tenna li dan huwa sforz baġits li kellhom fil-mira tagħhom it-tqassim tal-ġid, fosthom housing benefits, children's allowance, pensjonijiet u rifużjoni tat-taxxa.

Dwar it-tkabbir ekonomiku, il-Ministru qal li dan se jerġa’ jkun wieħed b’saħħtu, anke jekk mhux bħal dak tal-2015.

"Wieħed qiegħed jistenna li t-tkabbir jibqa' qawwi pero ma nibqgħux fis-7% bħalma kien, iżda b'rata ta’ bejn il-5 u s-6%, li hi rata b’saħħitha, xorta waħda,” qal il-Ministru.

Temm jgħid li dan huwa pass importanti fil-proċess tal-baġit għaliex se jkun qed jagħti ħarsa lejn l-andament ekonomiku, fiskali u l-aspett ta' kompetittività.

Mistoqsi fuq iż-żieda fil-prezzijiet fosthom tal-petrol u tal-ħalib huwa qal li dawn għandhom jiġu eżaminati fit-totalità tagħhom u mhux waħedhom.

"Il-bidliet fil-prezzijiet trid tarahom maż-żieda finali tad-dħul u mhux waħedhom," insista Scilcuna.

More in Politika