Kull pirmla tiswa 3ċ iżda 100 jinbiegħu għal €50 ... Laboratorji illegali ta' steroids f'Malta

L-ILLUM tkompli tiżvela dettalji dwar il-black market ta’ steroids illegali f’Malta

Illegali iżda reali. Din il-gazzetta tista’ tkompli tiżvela dettalji dwar il-produzzjoni illegali ta’ steroids anaboliċi f’Malta. Sorsi viċin din l-industrija illegali żvelaw mal-ILLUM dettalji ġodda u esklussivi dwar il-produzzjoni metikoluża tal-isteroids illegali li jinbiegħu forma ta’ pilloli. 

Jidher li l-pilloli li qed jiġu mmanifatturati b’mod illegali huma: Dina-balls, Stanazolol u Anavar. Il-proċess jibda billi l-isteroids jaslu f’Malta forma ta’ trab. Dawk l-isteroids li jkunu se jiġu injettati jitħalltu maż-żejt u jissaħħnu f’temperatura partikolari. 

It-taħlita tiġi mxarrba b’binder li jgħaqqadha flimkien. Wara dan il-pass, it-taħlita tidħol ġo magna (ara l-istampa) li fiha tifforma l-pirmla.

Ta’ min jinnota li din il-magna hi l-istess waħda li biha jiġu mmanifatturati l-pilloli tal-ecstasy. Il-magna qed tinxtara minn ċertu siti fuq l-internet u tintbagħat f’Malta f’erba’ partijiet separati.

Kull primla tiġi tiswa 2ċ iżda tinbiegħ 50ċ

L-ILLUM tinsab informata wkoll li l-produzzjoni ta’ kull pillola finalment, tiġi tiswa bejn 2ċ jew 3ċ. Dawn finalment jinbiegħu għal 40ċ jew 50ċ u  jinbiegħu f’pakketti ta’ 100 pillola għal €40 jew €50. 

Id-doża li tingħata hi ta’ bejn ħames u 10 pilloli kull ġurnata u kull bott iservi għal bejn 10 u 20 ġurnata, biċ-ċiklu ta’ dawn l-isteroids idum bejn tlieta u erba’ xhur.

Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta bdiet tiżvela l-operazzjoni ta’ diversi laboratorji illegali li qed jimmanifatturaw steroids anaboliċi. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw fid-dettall li l-aktar drogi komuni huma: Sustanon, Nandrolone Decatonate, Trenbolone Acetate u Testosterona Cyponate. Dawn qed jiġu mmanifatturati f’laboratorji illegali u mibjugħa f’dożi ta’ 10ml għall-prezz ta’ €35. Dawn tal-aħħar huma differenti għaliex minflok jinbelgħu jiġu injettati direttament ġol-muskoli.

Il-magna li tintuża għall-produzzjoni tal-pilloli
Il-magna li tintuża għall-produzzjoni tal-pilloli

Madanakollu, sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw li dawn il-pilloli huma aktar attraenti minn dawk l-isteroids li jittieħdu b’siringa u li dawn id-drogi mhumiex limitati għall-atleti iżda għall-pubbliku ġenerali li jkun irid jidher sabiħ malajr.

L-ILLUM tfakkar ukoll li kif konna ktibna ġimagħtejn ilu, is-suq għal dawn id-drogi tant huwa kbir li apparti li jinbiegħu f’Malta, dawn qed ikunu wkoll esportati f’pajjiżi barra minn xtutna b’servizz ta’ courier express fosthom lejn Sqallija, il-Ġermanja u Ċipru.

Jidher ukoll li dan is-suq qiegħed dejjem jikber. L-istess sorsi saħqu li hawn kultura wiesgħa ta’ fissazzjoni fuq l-aqwa forma fiżika possibbli.

Fid-dawl ta’ dan, dawn id-drogi jidher li qed joffru soluzzjoni rapida u ta’ ftit flus. Ta’ min jerġa’ jfakkar li kif ktibna fl-aħħar rapport, dawn l-isteroids iġorru magħhom lista twila ta’ perikli fosthom ħsara kbira lill-kliewi, lill-fwied u fuq il-qalb.

‘L-awtoritajiet qed idawru wiċċhom’

Ta’ min jinnota li l-bejgħ u l-użu ta’ dawn id-drogi mingħajr riċetta tat-tabib huwa illegali u jġorr miegħu piena ta’ ħabs. 

Minkejja dan kollu, nies fid-dinja tal-kultura fiżika stqarru li l-awtoritajiet ma jqisux lil dawn id-drogi fl-istess livell ta’ drogi oħra bħal kokaina, eroina u pilloli ecstasy. 

Minkejja dan, kif żvelajna f’dan ir-rapport jidher li ż-żewġ produzzjonijiet illeċiti qed jagħmlu użu minn tagħmir simili, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ pilloli ecstasy.

Dan it-tħassib serju kien elenkat ukoll fl-intervista separata li għamlet l-ILLUM ma’ Edwin Micallef, kelliem għall-Malta Boxing Association, li qed jappella għal aktar infurzar fid-dawl ta’ diversi atleti li qed jabbużaw minn dawn id-drogi fl-isport tal-boxing lokali.

More in Politika