52 grupp jirreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom għall-protesta tas-7 ta' Settembru

Se jsir ukoll forum pubbliku biex jingħataw ideat u proposti ... id-Deputati Parlamentari mhumiex mistiedna

(Arkivji)
(Arkivji)

52 grupp diġà rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesta nazzjonali tas-7 ta’ Settembru 'Iż-Żejjed kollu żejjed: Kulħadd għall-Belt.'

Fil-ġranet ta’ qabel il-protesta, se jkun organizzat ukoll forum pubbliku fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom għall-formulazzjoni tat-talbiet tal-protesta.

Gruppi li rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom ivarjaw minn NGOs ambjentali u residenti minn lokalitajiet bħaż-Żejtun, Pembroke, Wied il-Għajn, Ħ’Attard, il-Pietà u Ħaż-Żebbuġ, sa għaqdiet kulturali, tad-drittijiet umani u tal-istudenti. 

"Huwa inkoraġġanti ferm li naraw firxa wiesgħa ta’ nies minn sfont u b’interessi differenti jingħaqdu flimkien sabiex jitolbu li tieqaf din il-qerda ambjentali sfrenata u li jkollhom kwalità ta' ħajja aħjar," tenniet stqarrija tal-Moviment Graffitti. 

Il-protesta nazzjonali se tkun qed tagħmel sitt talbiet, li huma: i) bidla fil-policies tal-ippjanar ii) riforma tal-awtoritajiet responsabbli mill-ambjent u l-ippjanar iii) it-twaqqif ta’ proġetti kbar ħafna sakemm ikun daħal fis-seħħ pjan serju għall-iżvilupp f’pajjiżna iv) strateġija dwar it-toroq u t-trasport alternattiv v) regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni u vi) il-ħarsien tal-biodiversità u s-saħħa taċ-ċittadini.

"Il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jagħti l-proposti u l-kontribuzzjoni tiegħu b’rabta ma’ dawn is-sitt talbiet waqt il-Forum Pubbliku – Il-Proposti Tiegħek  - li se jsir nhar l-Erbgħa 28 t’Awwissu fis-7pm ġewwa l-bini tal-Friends of the Earth, il-Furjana. Membri parlamentari mhumiex mistiedna," ifakkar il-Moviment Graffitti.

 

More in Politika