Għaliex l-Indipendenza mhux se ssir fuq il-Fosos? Wisq flus jgħid Arrigo

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jiddefendi d-deċiżjoni tal-PN li jorganizza l-festi tal-Indipendenza fid-Dar Ċentrali

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo ddefenda d-deċiżjoni tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex il-festi tal-Indipendenza ma jsirux fuq il-Fosos tal-Furjana iżda jsiru fid-Dar Ċentrali.

Fuq Facebook, Arrigo saħaq li din kienet deċiżjoni għaqlija waqt li insista li l-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana ma kinux sostennibbli.

Arrigo kiteb dan hekk kif ħabbar li l-attivitajiet se jkunu qed jibdew b’ikla gala li se ssir fix-Xara Lodge fil-15 ta’ Settembru, b’dawk li se jattendu jħallsu donazzjoni ta’ €40.

Minkejja dan, id-Deputat Kap Nazzjonalista saħaq li l-attivitajiet kollha, inkluż l-ispettakli bħal banda, sports u anke l-festival tal-Kanzunetta Indipendenza se jkunu qed isiru xorta waħda.

“Is-sit inbidel minħabba t-telf kbir li għamel il-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos fuq perjodu ta’ ħafna snin,” saħaq Arrigo. "Faċli tikkritika, diffiċli biex timplimenta."

Arrigo kiteb fl-istess ġurnata li Emanuel Galea, partitarju tal-Partit Nazzjonalista, qal fuq The Times of Malta li d-deċiżjoni li l-festi tal-Indipendenza ma jsirux fuq il-Fosos juru kemm il-PN jinsab għarkupptejh.

Huwa wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista , fi kliemu, lanqas għadu f’pożizzjoni li jorganizza mass meeting.

Lura fl-2015, fi żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, il-festi tal-Indipendenza kienu saru fid-daħla tal-Belt, deċiżjoni li ma tantx niżlet tajjeb tant li l-festi rritornaw fuq il-Fosos fis-sena ta’ wara.

More in Politika