Denis Sulta mhux se jdoqq fit-Tempju tal-Imnajdra; Heritage Malta tikkjarifika

Wara rapporti li d-DJ popolari Denis Sulta se jkun qed idoqq  fit-Tempji tal-Imnajdra, Heritage Malta tikkjarifika li l-attività se ssir barra u bla udjenza 

Heritage Malta kkjarifikat rapporti li dehru llum fuq midja lokali u saħqet li attività li fiha se jdoqq id-DJ popolari Denis Sulta mhux se jsir fit-Tempji tal-Imnajdra kif irrapportat, iżda barra s-sit.

Fi stqarrija, Heritage Malta saħqet li l-attività lanqas ma hi se tkun party, iżda sempliċiment live streaming li mhux se jdum aktar minn siegħa.

“Is-sit meqjus Wirt Dinji mill-Unesco se jintuża biss bħala l-backdrop ta’ attività live streaming minn Mixmag,” saħqet il-Heritage waqt li fakkret li din hija magħrufa mad-dinja kollha u għandha ‘l fuq minn 1.2 miljun segwaċi fuq YouTube u 1.6 miljun segwaċi fuq Facebook.

Heritage Malta kompliet tisħaq li poġġiet numru ta’ restrizzjonijiet fuq l-organizzaturi, fosthom il-livell u t-tip ta’ ħoss u dawl li jista’ jintuża.

“Mhu se jkun hemm l-ebda aċċess għat-Tempji tal-Imnajdra, fl-ebda ħin,” saħqet l-istqarrija waqt li insistiet li se jkun hemm uffiċjali tagħha f'kull ħin biex tassigura li kollox jimxi skont l-istruzzjonijiet.

Kompliet tispjega li għal din l-attività mhu se jkun hemm l-ebda udjenza preżenti.

Id-DJ Denis Sulta
Id-DJ Denis Sulta

More in Politika