100 immigrant iddaħħlu Lampedusa imma 356 oħra għadhom qed jistennew

Abbord dan il-bastiment hemm 90 tifel u tifla li mhumiex akkumpanjati

 

Il-bastiment Ocean Viking jistenna Ritratt | Reuters
Il-bastiment Ocean Viking jistenna Ritratt | Reuters

Il-bastiment tas-salvataġġ tal-immigranti, Ocean Viking u li huwa tat-Tobba Mingħajr Fruntieri u l-NGO SOS Mediterranea, għadu f’ibħra internazzjonali bejn Malta u Lampedusa.

Dan il-bastiment diġà għamel tlettax-il ġurnata jistenna li jiddaħħal f’port u abbord tiegħu hemm 356 persuna.

Malta ċaħdet it-talba biex dan il-bastiment jidħol Malta, filwaqt li l-Italja baqgħet qatt ma’ wieġbet għas-sejħat tiegħu.

Il-maġġoranza tal-immigranti abbord huma mis-Sudan. Huma ġew salvati f’erba’ każi differenti.

Fost dawn l-immigranti hemm 100 tifel u tifla. 90 minnhom mhu qed jakkumpanjahom ħadd, bi tlieta minnhom għandhom inqas minn ħames snin.

Il-bastiment Open Arms li kellu fuqu 100 immigrant iddaħħal Lampedusa jumejn ilu wara għoxrin ġurnata bejn sema u ilma.

Kienu prosekuturi Taljani li fetħu l-portijiet anke jekk ordnaw li jinżamm il-bastiment.

Fil-fatt, il-Gvern Spanjol bagħat bastiment militari biex jeskoratah lura lejn Spanja fejn hu rreġistrat.

More in Politika