Jaqbżu fil-baħar biex jgħumu sa Lampedusa

Id-drama traġika tal-immigrazzjoni tkompli fil-Baħar Mediterran hekk kif tmien immigranti jaqbżu fil-baħar

L-immigranti li qabżu minn fuq il-vapur Open Arms
L-immigranti li qabżu minn fuq il-vapur Open Arms

Immigranti li kienu qegħdin fuq il-vapur Open Arms qabżu fil-baħar Mediterranju illum wara nofsinhar.

L-għaqda non governattiva li qed tmexxi l-vapur qalet illi disa' persuni qabżu fil-baħar biex jipprovaw jgħumuha sa Lampedusa. Dan hekk kif il-Gvern Taljan mhuwiex qed jiftaħ il-portijiet sabiex dawn l-immigranti jingħataw kenn fuq il-gżira. 

Salvini, fil-fatt, ordna lill-uffiċjali Taljani biex dawn l-immigranti ma jiddaħħlux filwaqt li għamel konċessjoni billi ppermetta 27 immigrant jitilqu mid-dgħajsa. Huwa qal illi għamel dan biss wara l-insistenza tal-Prim Ministru Giuseppe Conte. 

"Tlifna l-kontroll tas-sitwazzjoni," qalet l-għaqda f'kumment fuq Twitter. 

Raġel Sirjan kien l-ewwel wieħed salvat mill-awtortitajiet Taljani li qed jieħdu ħsiebu, qalet kelliema għall-Open Arms. 

Intant iktar kmieni llum Spanja, wara 18-il jum staġnati fl-istess post, l-għaqda ħabbret illi se tippermetti d-dħul ta' dawn l-immigranti fil-pajjiż, bl-iżbark tagħhom fuq il-gżira ta' Mallorca.

L-NGO esprimiet tħassib għaż-żmien li se jittieħed biex il-vapur isalpa lejn din il-gżira Balerika minħabba li qed tibża' illi l-kundizzjonijiet tal-immigranti u l-vapur innifsu se jeħżienu. 

 

More in Politika