Filmat | Zammit Lewis jisħaq li l-Gvern saħħaħ il-preparazzjonijiet tiegħu għal Brexit

Il-Gvern qiegħed iħares ukoll lejn l-eventwalità li Brexit iseħħ mingħajr ftehim u dan wara d-dikjarazzjonijiet iebsa tal-Prim Ministru Johnson

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej, Edward Zammit Lewis saħaq li l-Gvern żied il-livell ta’ preparazzjoni għal Brexit u dan wara l-elezzjoni ta’ Boris Johnson bħala Prim Ministru u d-dikjarazzjoni tiegħu li bi ftehim jew mingħajru, ir-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru li ġej.

Mistoqsi mill-ġurnalisti tal-MaltaToday dwar dak żvelat mill-midja Ingliża, jiġifieri li Brexit bla ftehim jista’ jfisser it-tmien tal-moviment ħieles tal-persuni lejn ir-Renju Unit, il-Ministru saħaq li l-Gvern kien qed jipprepara iżda fl-aħħar ġimgħat saħħaħ il-livell ta’ preparazzjoni tiegħu.

Zammit Lewis saħaq li kemm il-Ministeru mmexxi minnu u anke l-Gvern qed iħarsu lejn l-eventwalità li Brexit iseħħ mingħajr ftehim.

Il-Minstru insista li kemm il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit se jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa u anke ċ-ċitaddini tar-Renju Unit li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw f’Malta.

“Dawn jistgħu jserrħu rashom. Ma hemmx dubju li rridu nibqgħu nsegwu biex niċċaraw dan b’garanziji ċari,” saħaq il-Ministru.

Mistoqsi jekk jiġux affetwati l-miżuri mħabbra mill-Gvern għaċ-ċittadini tar-Renju Unit f’Malta, jekk ir-Renju Unit iwaqqaf il-moviment ħieles tal-persuni wara li jseħħ Brexit, il-Ministru saħaq li l-Prim Ministru ta garanziji.

Madanakollu saħaq li wieħed irid jara dawn “il-commitments ġeneriċi” fid-dawl ta’ dak li qiegħed jiġri fir-Renju Unit bħalissa.

Temm jisħaq li wieħed ma tantx jista’ jagħti tweġibiet f’dan l-istadju hekk kif is-sitwazzjoni qiegħda dejjem tiżviluppa anke minħabba l-fatt li r-Renju Unit għandu Prim Ministru ġdid.

Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda fluwida, anke minħabba d-dikjarazzjonijiet b'saħħithom tal-Prim Ministru Johnson.

“L-intenzjoni tal-Gvern hija li jserraħ ras il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit u viċi versa li s-sitwazzjoni tagħhom tkun issalvagwardjata,” temm jisħaq Zammit Lewis.

More in Politika