Il-Gvern għadu qed jistudja l-proposta għas-sħubija obbligatorja f'unjin

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern qiegħed iħares lejn diversi mudelli implimentati f’diversi pajjiżi

Il-Gvern għadu qed jistudja l-proposta biex is-sħubija tal-ħaddiema f’unjin jew assoċjazzjoni li tirrappreżentahom issir mandatorja.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza u l-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis qal dan meta kien qiegħed jindirizza laqgħa mal-amministrazzjoni tal-General Workers Union.

Din il-proposta kienet orġinarjament imressqa mill-GWU bil-għan li jkun miġġieled il-prekarjat, l-abbuż u anke l-esplojtazzjoni tal-ħaddiema.

Aktar tard, waqt id-diskors tiegħu tal-Baġit, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien appella għal diskussjoni dwar dan.

Zammit Lewis qal li preżentament il-Gvern qiegħed jistudja din il-proposta bil-għan li tkun implimentata b’rispett sħiħ lejn id-dritt tal-assoċjazzjoni.

Huwa saħaq li l-Gvern qiegħed iħares lejn diversi mudelli implimentati f’diversi pajjiżi.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja qal li minn studju li kien ikkummissjonat mill-Uffiċċju tal-President kien irriżulta li f’dawk il-postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema huma kollha f’unjin, hemm aktar ugwaljanza.

Tenna wkoll l-importanza li ħaddiema li jkunu qed jagħmlu l-istess tip ta’ xogħlijiet jitħallsu l-istess

“Ma jistax ikollna sitwazzjoni, kif għandna bil-cares, fejn impjegat għandu sett ta’ kundizzjonijiet u l-kollega tiegħu qed jaqla’ biss il-paga minima,” saħaq Bugeja.

Tkellem ukoll dwar sfidi ġodda riżultat ta’ influss ta’ ħaddiema barranin f’Malta waqt li saħaq li l-liġijiet iridu jinbidlu biex jirriflettu aħjar id-dinja tax-xogħol tal-lum.

Il-Ministru wieġbu li l-Gvern qed jaħdem biex iżid l-ugwaljanza f’kull aspett tal-ħajja f’Malta waqt li saħaq li se jkun qed jaħdem biex tonqos id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa.

Temm jisħaq li jixtieq jara d-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali jissaħħaħ kemm mill-aspett ta’ riżorsi u anke mill-aspett ta’ infurzar.

Il-laqgħa li saret illum mat-tmexxija tal-GWU
Il-laqgħa li saret illum mat-tmexxija tal-GWU

More in Politika