Iktar minn 8,000 jiffirmaw petizzjoni kontra l-iżvilupp fuq Manoel Island

Id-Deputat tal-PD Godfrey Farrugia jappella biex il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament jiffunzjona kif suppost

Manoel Island
Manoel Island

Ilbieraħ, petizzjoni ffirmata minn 916-il ċittadin kienet ippreżentata lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti mid-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia.

Din il-petizzjoni hija frott kampanja mmexxija mill-għaqda Inħobbu l-Gżira li kienet imnedija f'Diċembru u li saret biex tirreżisti żvilupp fuq Manoel Island u biex tħeġġeġ lill-Parlament ibiddel lil Manoel Island f'park f'żona li vera għandha bżonnu. 

Appelli diġà saru lill-Prim Ministru lura fi Frar wara petizzjoni lill-Kumitat Parlamentari tal-Petizzjonijiet li ġabret 7,571 firma. Il-petizzjoni għalqet nhar is-16 ta' April.                

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-masterplan tal-proġett f'Marzu, iżda l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar fetħet appell mat-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar. 

Minkejja li dan il-Masterplan għadu taħt appell, fit-18 ta' Lulju il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat it-tħaffir. Mhuwiex ċar jekk il-permess li kien approvat jinkludix il-parti li dwarha qed isir l-appell. 

Fi stqarrija minn Inħobbu l-Gżira, kien imfakkar il-fatt li hawnhekk instabu diversi fdalijiet Rumani madwar il-kosta tal-gżira li għadhom ma kinux investigati, kif ukoll li hemm diversi ċimiterji u binjiet storiċi ta' wirt kulturali għoli. 

Meta kien qed jippreżenta din il-petizzjoni Farrugia esprima t-tama illi din il-problema tkun solvuta u petizzjonijiet li jsiru jkunu diskussi. "Hija għarukaża u inġusta li diversi petizzjonijiet ippreżentati mis-soċjetà ċivili ma kinux diskussi u aġġudikati mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet."

Hu temm jappella biex l-Ispeaker jintervjeni ħalli dan il-Kumitat jiffunzjona kif suppost.

More in Politika