Protetti diversi binjiet importanti f'għadd ta' lokalitajiet

Il-binjiet jiddistingwu ruħhom minn oħrajn minħabba l-patrimonju tagħhom u anke minħabba l-arkitettura tagħhom

Numru ta’ binjiet li jiddistingwu ruħhom minn oħrajn minħabba l-patrimonju tagħhom u anke minħabba l-arkitettura tagħhom ingħataw il-grad 1 u 2 biex hekk ikunu protetti mill-iżvilupp.

Wara konsultazzjoni mas-Sovratendenza għall-Patrimonju Kulturali, dawn il-binjiet ġew protetti:

Fil-Belt Valletta, id-Dar fejn kien jgħix Nerik Mizzi, fi Triq San Ġwann, ingħatat l-ogħla grad ta’ protezzjoni. Din ir-residenza tas-seklu 17 bħalissa qed tinbidel f’mużew hekk kif għad hemm fiha l-għamara oriġinali ta’ żmien Mizzi. Nerik Mizzi kien sar Prim Ministru ta’ Malta fl-1950 u miet tliet xhur wara fl-istess residenza.

Fil-Qrendi ġie protett palazz żgħir li jinsab fi Triq il-Kbira u li jmur lura għas-seklu 18. Dan il-palazz żgħir ta’ sular wieħed, għandu gallarija miftuħa sabiħa tal-ġebel. Malli tidħol f’din il-binja, ssib intrata sabiħa ddekorata bi skultura u anke afreski.

Ġiet protetta wkoll dar kbira ta’ tliet sulari li tinsab fi Triq San Pawl f’Bormla li tiddistingwi ruħha minħabba l-faċċata mill-isbaħ li għandha.

Fil-Birgu ġew protetti żewġ residenza oħra, wieħed minnhom kienet isservi bħala palazz tal-Isqof u r-residenza l-oħra hija palazz ta’ tliet sulari fi Triq Hilda Tabone li x’aktarx tmur lura għas-seklu 16.

Il-palazz tal-Isqof imur lura għall-1542. Il-binja serviet ukoll bħala palazz għall-Inkwiżitur u baqgħet ir-residenza tal-Isqof sas-seklu 17, fejn lagħbet parti importanti fl-iżvilupp politiku tal-gżira fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.

Ġiet protetta wkoll residenza f’Ħal Balzan li tmur lura għas-seklu 18. Din tinsab fi Triq il-Providenza, kantuniera ma’ Triq it-Tliet Knejjes. Għandha gallarija mill-isbaħ ta’ stil barokk/rococo. Din kienet ir-residenza tal-Kavallier Spanjol Fra Giacomo Rodrigues, li hu midfun fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.

Fi Triq d'Argens, fil-Gzira, ġiet protetta binja ta’ wara l-gwerra li nbniet fuq disinn tal-Perit Joseph Colombo biex jużaha bħala residenza tiegħu.

F’Ħal Lija u anke n-Naxxar ġew protetti żewġ residenzi oħra. Dik ta’ Ħal Lija tmur lura għall-aħħar tas-seklu 19, filwaqt li dik tan-Naxxar tinsab fi Triq Annibale Pace.

L-uniku binja mhux residenzjali li ġiet inkluża f’din il-lista hija l-knisja l-antika ta’ San Ġużepp fil-Manikata.

More in Politika