Aġġornata | Il-Kunsillier Senglean tal-PN joħroġ kontra l-iżvilupp ta' dormitorju tal-AUM ukoll

'Żewġ siti għall-parkeġġ għall-ftit għexieren ta' studenti li din l-università se takkomoda, l-ammont li huwa ferm 'il bogħod mill-eluf li ġew imwegħda' - Malcolm Gatt

"Id-dormitorju għall-ftit studenti li se takkomoda 'l hekk imsejħa università Amerikana m'għandhix issir għad-detrimenti tar-residenti Sengleani, li se jaraw mhux biss li se jkerraħ il-wirt storiku tal-Isla iżda se joħloq diffikultajiet kbar bil-parkeġġ." Hekk sostna l-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla u Minority Leader Malcolm Gatt. 

Gatt jingħaqad ukoll ma' diversi li għamluha pubblika li huma kontra dan il-proġett, inkluż fil-Partit Laburista. Fost dawn hemm il-Viċi Sindku tal-Isla Anthony Bonavia li ħalla messaġġ fuq Facebook li fih qal li ma jaqbel xejn mal-proġett. L-istess id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield u s-Sindki ta' Bormla u l-Isla (Ara links iktar 'l isfel). 

"Dan meta se jittieħdu żewġ siti għall-parkeġġ għall-ftit għexieren ta' studenti li din l-università se takkomoda, l-ammont li huwa ferm 'il bogħod mill-eluf li ġew imwegħda."

"Dan id-dormitorju m'għandux jinbena fil-Baċir u ż-żewġ postijiet għall-parkeġġ m'għandhomx jittieħdu," kompla jgħid. Hu sostna li dan se jsir għad-detriment tas-Sengleani meta dawn jintużaw bħala postijiet għall-parkeġġ għall-komunità kummerċjali matul is-sajf u bħala post fejn jinżammu d-dgħajjes matul ix-xitwa. 

"Għalhekk ma naqblux li d-dormitorju jinbena fiż-żona fejn qed jiġi suġġerit u li jittieħdu l-postijiet tal-parkeġġi għaliex dan il-proġett mhux se jsir għall-vantaġġ tar-residenti tal-Isla, jew biex tissaħħaħ il-komunità Sengleana iżda se joħloq impatt ferm negattiv li minnu se jispiċċaw ibatu r-residenti u l-lokalità nnifisha."

Ara hawnhekk x'ippropona d-Deputat Laburista Glenn Bedingfield dwar dan id-dormitorju u x'jaħsbu s-Sindki tal-lsla u Bormla

Ara hawn kif kienet posposta d-deċiżjoni dwar dan l-iżvilupp 

More in Politika