Il-PD jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni kontra l-kuntrabandu tal-fjuwil minn Malta

Godfrey Farrugia jappella lill-Gvern biex jitwaqqaf korp immexxi min-Nazzonijiet Uniti kontra l-kuntrabandu

Il-Partit Demokratiku qed jitlob lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jappoġġjaw il-mozzjoni mressqa minnu biex jitwaqqaf korp immexxi min-Nazzonijiet Uniti sabiex ikollu ġurisdizzjoni speċjali fuq siti magħrufin għall-attività tal-kuntrabandu tal-fjuwil.

Il-partit tagħna huwa l-uniku partit fil-Parlament li ħa azzjoni biex jinkisru ċ-ċrieki internazzjonali tal-kuntrabandu li joperaw minn u madwar Malta,” saħaq il-Kap Interim Godfrey Farrugia. “La Joseph Muscat u lanqas Adrian Delia ma appoġġaw din l-inizzjattiva.”

L-istqarrija tisħaq li dak li saħqu fil-Qorti Gordon Debono u Darren Debono huwa inkwetanti.

“L-avukati tagħhom stqarru li saħansitra l-Gvern Amerikan jemmen li individwi mlaħħqin fil-gvern Malti ffaċilitaw ir-riforniment tal-karburant lil vapuri tal-gwerra Russi barra mill-ilmijiet territorjali Maltin billi użaw karburant tal-kuntrabandu Libjan. Jekk dan jirriżulta minnu, mela jfisser li dawn l-individwi ma aġixxewx ta’ rappreżentanti tal-poplu imma sempliċement salesmen ta’ ċirku ta’ kuntrabandu li l-azzjonijiet tagħhom kabbru l-instabbilità fil-Libja u fil-Mediterran,” saħaq Farrugia.

Tenna li l-azzjoni hija l-uniku soluzzjoni biex jittaffew dawn l-affermazzjonijiet.

“Aġixxi, mhux biss billi tieħu azzjoni kontra ż-żewġ individwi li probabbilment diġà tilfu ammont sostanzjali tan-negozju tagħhom, imma billi tieħu azzjoni biex tkisser iċ-ċrieki tal-kuntrabandu darba għal dejjem. Waqqaf Korp mmexxi min-NU kontra l-kuntrabandu, issa!” temm jgħid Farrugia lill-Gvern.

More in Politika