Bdoti tar-Ryanair lesti biex jistrajkjaw ... il-linja tal-ajru twissi li tkeċċi n-nies

Għadu mhux magħruf jekk Malta hux jew kif se tkun milquta minn dan l-istrajk

Membri tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti bbażati fir-Renju Unit ivvutaw favur strajk li x’aktarx se jseħħ bejn it-22 u 23 ta’ Awwissu u bejn it-2 u l-4 ta’ Settembru.

Għadu mhux magħruf jekk Malta hux jew kif se tkun milquta minn dan l-istrajk li beħsiebhom jagħmlu l-bdoti bbażati fir-Renju Unit.

Jidher li huma ħafna l-kwistjonijiet li wasslu għal din id-deċiżjoni, inkluż il-pensjonijiet, benefiċċji tal-maternità, allowances, il-paga u oħrajn.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tar-Renju Unit saħaq li l-intenzjoni tagħhom mhux li jħarbtu l-pjanijiet tal-passiġġieri iżda insista li ma kellhomx triq oħra.

Min-naħa tiegħu, kelliem għar-Ryanair, saħaq li ħafna mill-bdoti mhumiex membri tal-unjin u li l-membri tal-unjin ma għandhomx “dritt iħarbtu t-titjiriet u l-btajjel tal-klijenti.’

Michael O’Leary, il-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru, mar oltre minn hekk u wissa li l-kumpanija lesta biex tkeċċi mad-900 persuna.

F’filmat indirizzat lill-impjegati, huwa saħaq li l-kumpanija għandha madwar 500 bdot u 400 ħaddiema tal-cabin crew żejda.

Insista li qed ikun imbassar li r-Ryanair se jkollha bżonn madwar 600 impjegat inqas f’dawn l-istess rwoli matul is-sajf tas-sena d-dieħla u dan minħabba li mhux joperaw l-ajruplani Boeing 737 Max wara ż-żewġ inċidenti fatali ta’ ftit tax-xhur ilu.

Intant, fi stqarrija, il-European Cockpit Association ikkundannat l-kummenti u l-konfrontazzjoni tar-Ryanair. 

More in Politika