Repubblika mħassba li r-riformi kostituzzjonali tal-President se jkunu biss paraventu għall-politiċi

Repubblika tgħid ukoll li mhuwiex post il-President li jmexxi din ir-riforma għaliex din tmur lilhinn mill-poteri tiegħu

Il-President George Vella
Il-President George Vella

Repubblika esprimiet it-tħassib tagħha illi l-ewwel passi fIr-Riforma Kostituzzjonali juru illi din se tkun limitata għaż-żewġ partiti biss. 

L-għaqda qalet illi s-sottomissjoni għas-suġġerimenti mill-pubbliku ġiet limitata "drastikament" u li dawn se jintlaqgħu b'mod individwali u allura ħadd ma jkun jaf ħaddieħor x'ippropona. 

"Repubblika tisħaq illi l-Kostituzzjoni tillimita l-poter ta’ dawk li jiggvernaw u għalhekk min jiggverna assolutament mhux idonju sabiex jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif is-setgħa tiegħu għandha tkun limitata. Intennu li ma nsibu l-ebda serħan tal-moħħ fil-fatt li l-President jipparteċipa f’dan il-proċess. Minkejja li l-President indubbjament għandu intenzjonijiet ġenwini, il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-proċess teċċedi l-limiti tal-poteri u r-responsabbilitajiet tiegħu fil-qafas Kostituzzjoanli li jiddefinixxi r-rwol tiegħu llum il-ġurnata. Ċertament dan kollu xejn m’hu bidu inkoraġġanti għal proċess li għandu l-għan li jiddetermina mill-ġdid dawk il-limiti," qalet l-istqarrija ta' Repubblika. 

L-istqarrija qalet illi l-fatt illi f’dawn il-jiem tas-sajf il-gvern qiegħed fil-proċess li jingaġġa l-Avukat tal-Gvern "li ser ikun magħżul fid-dikrezzjoni unika u esklussiva tal-Prim Ministru b’riżultat ta’ emendi Kostituzzjonali li ma kienu diskussi ma’ ħadd ’il barra mill-Parlament tindika li l-proċess imniedi mill-President George Vella jista’ ikun paraventu li warajh partiti politiċi jimplimentaw il-bidliet li jaqdu l-interessi tagħhom."

Repubblika qalet li tinsab imħassba illi lanqas rikonoxximent tal-proposti tagħha għadha ma rċeviet u qalet illi filwaqt li hi mhix qed tippretendi li għandha dritt hi tagħżel x'ikun il-proċess, imma li huwa xogħolha li tfakkar li riformi kostituzzjonali li saru wara bibien magħluqa "dejjem wasslu għal demokrazija kompromessa." 

"Il-minimu li neżiġu hu li l-proċess li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet ikun determinat mill-bidu nett u jkun imħabbar fl-intier tiegħu lill-pubbliku, b’tali mod li l-politiċi ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeċiedu huma x’se jiddiskutu u japprovaw fil-Parlament mingħajr ma l-ewwel jikkommettu ruħhom dwar kif ser jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat bil-bidliet li jkunu ser jiġu introdotti u jiksbu l-appoġġ tiegħu għal tali tibdil."

L-istqarrija ttemm tgħid li Repubblikia reġgħet ressqet il-proposti lill-President mill-ġdid. 

More in Politika