'Il-Gvern ma jistax jibqa' jżid il-karozzi tal-linja u jistenna li l-problema tat-traffiku tissolva waħedha'

'Il-problemi tat-traffiku mhux se jissolvew billi nkomplu nħammġu l-arja' jgħid il-PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li, "fi żmien meta t-tibdil fil-klima se jkollu riperkussjonijiet kbar fil-ħajja tan-nies inkluż l-Maltin u l-Għawdxin, il-Gvern ma jistax jibqa' jħares u kull ma jagħmel iżid il-karozzi tal-linja biss u jistenna li l-problema tat-traffiku tissolva waħedha."

Żied jgħid li l-problemi tat-traffiku mhux se jissolvew billi nkomplu nħammġu l-arja, "meta pajjiżna diġà għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha. L-Oppożizzjoni għalhekk tħeġġeġ lill-Gvern biex fl-aqwa żmien isir l-investiment meħtieġ biex pajjiżna jsir carbon neutral u jinċentiva bl-aħjar mod l-użu tal-karozzi elettriċi filwaqt li jinvesti f'sistema tat-trasport tal-massa effiċjenti u rapida."

Skont il-PN, is-soluzzjoni għaż-żieda u l-problemi fit-traffiku m'għandhiex tkun biss li nżidu aktar karozzi tal-linja fit-toroq, iżda billi tiżdied l-effiċjenza u l-puntwalità ta' dan is-servizz. "Aktar u aktar meta dawn se jispiċċaw jeħlu fit-traffiku qawwi bl-ammont ta' karozzi privati ġodda li kuljum qegħdin jiżdiedu. Huwa ċar li ż-żieda fl-ammont ta' karozzi privati ġodda jfisser li l-poplu Malti mhux moqdi bit-trasport pubbliku allavolja qed inħallsu €30 miljun fis-sena f'sussidji u għalhekk il-poplu qieghed ikollu jirrikorri għall-karozza privata biex jasal minn post għal ieħor."

Kompli jgħid li skontu l-unika raġuni li żdied il-patrunaġġ fit-trasport pubbliku huwa li, "żdiedu l-ammont ta' barranin f'pajjiżna li bilfors jkollhom jużaw t-trasport pubbliku, speċjalment fl-ewwel snin tagħhom fostna."

"Iż-żieda fil-karozzi privati tfisser wkoll li m'hawnx alternattiva effiċjenti. L-Oppożizzjoni tqis li l-Gvern għandu jieħu deċiżjonijiet ferm iżjed kuraġġużi minn hekk u jinvesti f'sistema tat-trasport tal-massa li tkun waħda effettiva, effiċjenti, puntwali kif ukoll eco-friendly, b'tali mod li l-Maltin u l-Għawdxin jagħmlu użu minnha sabiex ma jkollhomx għalfejn jużaw il-karozza personali tagħhom biex imorru x-xogħol jew biex jiċċaqalqu minn lokalità għall-oħra."

Fl-aħħar nett il-PN qal li huwa ta tħassib li mhux qed isiru sforzi biżżejjed u tagħlim biex il-karozzi tal-elettriku jsiru alternattiva vijabbli għall-karozzi li jagħmlu użu mill-fuel. "Filfatt l-istess statistika tal-NSO turi li l-ammont tal-karozzi elettriċi u hybrid jammontaw biss għal 0.8% jew ftit aktar minn 3,000 karozza."

More in Politika