Aġġornata | Il-Ministru Mizzi jweħħel f'Azzopardi għas-sitwazzjoni fl-Għadira; Jason jgħajru giddieb

Il-Ministru Mizzi saħaq li fl-aħħar ġimgħat kellmuh ħafna nies dwar is-sitwazzjoni li fi kliemu hemm bħalissa fl-Għadira

Il-Ministru Konrad Mizzi akkuża lill-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi, li ġimgħa biss qabel l-elezzjoni tal-2008, għadda konċessjoni lill-operaturi tal-umbrelel u s-sunbeds fl-Għadira biex ikunu jistgħu jifirxu kemm iridu fuq l-ikbar bajja pubblika tal-pajjiż għal 15-il sena sħaħ.

Madanakollu, mal-ILLUM, Jason Azzopardi saħaq li: "Il-giddied reġa' qiegħed jigdeb."

Fuq Facebook, il-Ministru Mizzi saħaq li fl-aħħar ġimgħat kellmuh ħafna nies dwar is-sitwazzjoni li hemm bħalissi fl-Għadira fejn qed tkun miksija bl-umbrellel u s-sunbeds.

"Il-bajja hija tal-pubbliku, hekk kif isimha jġib magħha. Il-familji tagħna għandhom dritt imorru l-baħar mingħajr ma jidħlu fi spejjeż żejda," saħaq il-Ministru.

Kien għalhekk li kiteb li qed jikkommetti ruħu li jerġa' jagħti l-bajja tal-Għadira lill-poplu.

'Issa rrealizza li għandu problema, Konrad Mizzi ħa jara f'min se jwaħħal' - Jason Azzopardi

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Jason Azzopardi saħaq li l-Partit Laburista qed jipprova jintimidah billi jivvinta gideb fuqu.

“Wara li issa mill-2013, il-Gvern tiegħu ħalla l-operaturi fl-Għadira jagħmlu li jridu, u bla ebda infurzar ta’ xejn, bħal f’bnadi oħra, issa rrealizza li għandu problema u ħa jara f’min se jwaħħal,’ saħaq Azzopardi.

Fakkar kif fl-2012 kien hemm ilmenti ġġustifikati mill-pubbliku minħabba l-abbuż tal-operaturi.

“B'ħidma bejni u Mario De Marco u l-Ministeri rispettivi tagħna, konna ġibna l-ordni u d-dixxiplina. Hu fatt magħruf kemm kienu ipprotestaw l-operaturi mal-Gvern tal-2012/3 fil-fatt minħabba l-kundizzjonjiet imposti,” kompla Azzopardi.

Waqt li rrefera għal diversi rapporti dwar dan, Azzopardi saħaq li issa li l-Gvern ħalla lil kulħadd jagħmel li jrid, issa se jara f’min ħa jwaħħal.

“Nistaqsi lill-Ministru korrott Mizzi: spjega kif taħt Gvern immexxi mill-PN fl-2012 il-bajja tal-Għadira ingħatat il-Blue Flag, li jfisser livell għoli ta' organizzazzjoni fost oħrajn,” temm jisħaq Jason Azzopardi.

More in Politika