Nisa, gideb, suċċess u issa Prim Ministru: min hu Boris?

Boris Johnson, forsi għad-dispjaċir ta’ ħafna, sar il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit. Imma min hu dan? U x’passat għandu?

Nhar it-Tlieta, il-Partit Konservattiv għażel (bil-kbir) lil Boris Johnson biex ikun il-Prim Ministru li jmiss tar-Renju Unit, pajjiż illi bħalissa għaddej mill-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Dan ifisser illi dan l-iżvilupp se jaffettwa b’mod kruċjali u forsi definittiv il-proċess importanti li permezz tiegħu pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, għall-ewwel darba, mhux se jibqa’ membru ta’ dan il-blokk politiku.

L-ILLUM tat ħarsa lejn l-aktar avvenimenti, mumenti, stqarrijiet u fatti importanti dwar dan il-politiku, li jidher goff, komiku u tal-istess qatgħa ta’ Donald Trump, xi ħaġa li Trump stess ammetta.

Ħarsa lejn il-fatti u l-karriera politika tiegħu, juru illi Boris Johnson kellu karriera mill-aktar interessanti u kkulurita.

Johnson ma’ Petronella Wyatt
Johnson ma’ Petronella Wyatt

Fatti interessanti, ikkuluriti u xi ftit skandalużi dwar Boris

  • Boris Johnson ma twelidx fir-Renju Unit. Huwa twieled nhar id-19 ta’ Ġunju f’New York fl-Istati Uniti.
  • Ismu sħiħ mhux Boris Johnson imma Alexander Boris De Pfeffel Johnson
  • Huwa ħa borża ta’ studju fil-Kulleġġ Eton fejn kienu jattendu wkoll il-Prinċpijiet Harry u William.
  • L-ewwel kariga li kellu kienet fil-Kulleġġ Balliol bħala President tal-Oxford Union
  • L-ewwel impjieg ta’ Johnson kien bħala ġurnalist. Hu beda jaħdem ma’ The Times fl-1987
  • Imma kien imkeċċi minn ma’ The Times hekk kif kien iffabbrika kwotazzjoni f’artiklu li kiteb. Hu kien implika li Edward II u Piers Gaveston kien qed ikollhom x’jaqsmu sesswalment f’Rose Palace. Huwa kien talab apoloġija għal dan
  • Wara beda jaħdem mad-Daily Telegraph fejn kien korrispondent dwar il-Komunità Ewropea. Imbagħad sar Editur ta’ The Spectator
  • Hu kien wiegħed lis-sid ta’ The Spectator li mhux se jidħol għall-politika, wegħda li ma żammx
  • Tliet snin wara kellu jitlob apoloġija fuq artiklu illi fih akkuża lill-attivisti tat-tim ta’ futbol ta’ Liverpool bil-ħtija għad-diżastru f’Hillsborough. Nhar il-15 ta’ April 1989 folol ta’ nies ħerġin mill-istadium (stampede) waslu biex mietu fir-rassa 96 u weġġgħu 766 persuna
  • Fil-bidu tal-1998 beda jmexxi programm ta’ diskussjoni ‘Have I Got News For You’ li kien ilu li beda mill-1990 u li għadu għaddej sal-lum
  • Johnson reġa’ kkontesta l-elezzjoni fl-2001 u kien elett fil-kostitwenza ta’ Henley-on-Thames
  • Il-kontroversja madwar Johnson ma tiqafx hemm, hekk kif fl-2004 kien imkeċċi minn Ministru tal-Arti wara li kien qal li rapporti dwar relazzjoni extra-matrimonjali mal-ġurnalista ta’ The Spectator  Petronella Wyatt ma kinux veri, meta fil-fatt kienu. Hu kien rrifjuta li jirreżenja u allura kellu jitkeċċa. Wyatt hija bint l-eks politiku Laburist Lord Wyatt
  • Ir-relazzjoni ta’ Johnson ma’ Wyatt spiċċat fit-titli tal-ġurnali wara li omm Wyatt qalet illi din abortiet tarbija ta’ Boris. Naturalment, iż-żwieġ tiegħu ma’ Marina Wheeler spiċċa.
  • Minkejja dan fl-2005, sena wara dawn l-akkużi, hu kien elett mill-ġdid
  • Fl-2008 Johnson rebaħ Londra għall-ewwel darba u reġa’ għamel dan fl-2012. Hu kien kiseb l-aħjar riżultat u rebaħ lil Livingstone, li kien l-ewwel Sindku ta’ Londra li baqa’ fil-kariga għal tmien snin
  • Fl-2016 sar il-kelliem prinċipali u allura l-wiċċ tal-kampanja ‘Leave’ li riedet lir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt kien hu li ffaċċja lill-eks PM Konservattiv David Cameron f’dibatittu dwar Brexit
  • Johnson, waqt dan id-dibattitu, kien għamel paralleliżmu bejn l-Unjoni Ewropea u Adolf Hitler. Hu kien qal u reġa’ kkonferma, li l-UE hija anti-demokratika
  • Interessanti dik li ħafna rawha bħala tradiment. Dan hekk kif ftit qabel ma uffiċjalment ħabbar il-kandidatura tiegħu biex jieħu post Cameron l-alleat tiegħu Michael Gove, dejjem maġenbu fil-kampanja Brexit ħabbar li se jikkontesta hu. Gove kien qal illi Johnson ‘ma jistax jipprovdi tmexxija jew jibni tim li se jmexxu l-biċċa xogħol (Brexit) ’il quddiem’
  • Meta Theresa May saret il-Kap tal-Partit Konservattiv u Prim Ministru, Johnson sar Ministru tal-Affarijiet Barranin
  • Wara li rriżenja s-Segretarju ta’ Brexit Dominic Raab wara nuqqas ta’ qbil mal-pakkett li ppreżenta l-Gvern ta’ May bħala kundizzjonijiet għal Brexit, Johnson irriżenja warajh
  • Johnson kien daħal ukoll fil-kontroversja dwar uffiċjal tal-intelliġenza Russa; Sergeu Skripal li nstab mitluf minn sensih f’Salisbury ma’ bintu Yulia. Jirriżulta, skont il-laboratorju militari prinċipali tar-Renju Unit, illi dawn kienu esposti bin-novachok, arma kimika li tista’ twassal għal mewt wara li tattakka s-sistema newromuskolari. Johnson qal li l-laboratorju militari kien iddetermina b’ċertezza illi n-novachock kien ġej mir-Russja meta dan ma kien minnu xejn
  • Din il-ġimgħa kien elett Kap tal-Partit Konservattiv u allura Prim Ministru hekk kif kiseb 92,153 vot. Il-kontestant l-ieħor, Jeremy Hunt, kiseb 46,656 vot

Kont taf li...?

  • Boris Johnson huwa awtur u kiteb diversi kotba, fosthom Lend Me You Ears (2003), Sevenety-two Virgins (2004), Dream of Rome (2006) u The Churchill Factor: How One Man Made History (2014)
  • Għamel ħafna flus meta biegħ ir-riċetta steak bake lil Greggs (ħanut li jbigħ diversi torti u ikel tal-għaġina)
  • Darba Johnson kien iddieħaq b’Malta meta waqt konferenza fl-Irlanda ta’ Fuq kien qal hekk; “ir-Renju Unit qed jagħmel ftehimiet tajbin madwar id-dinja. Fil-fatt meta kont sindku kont begħt dawk l-imniefaħ bendy buses lil Malta. Fl-aħħar tbandlu minn nofs u qabdu n-nar, punt li jqajmuli l-Maltin kull darba li mmur hemm,” qal għad-daħk tas-sala

More in Politika