Il-Grupp db jisħaq li skavar jista' jsir taħt binjiet storiċi jekk tintuża teknika tajba

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db ixejjen dawk li qed jiddeskrivihom bħala xnigħat dwar il-proġett propost

Il-Grupp db ħareġ stqarrija, ffirmata mill-Kap Eżekutttiv Arthur Gauci, biex jiċħad diversi xnigħat li fi kliemu qegħdin jiċċirkolaw dwar ir-revokar tal-permess u anke xogħlijiet ta’ skavar.

Fil-fatt, Gauci saħaq li mhux minnu li jekk tiskava taħt bini se tkun qed tipperikolah, għax fi kliemu, kieku dan huwa fatt, l-ebda parkeġġ taħt l-art ma seta’ qatt isir.

L-istqarrija, saħansitra tinsisti li jekk l-iskavar isir b’teknika tajba, dan jista’ jsir anke taħt binjiet storiċi.

“Hemm diversi eżempji fi bliet storiċi madwar id-dinja fejn l-iskavar seħħ taħt binjiet storiċi għax intużaw tekniċi tajbin,” saħaq Gauci.

Gauci fakkar ukoll li l-permess ġie rrevokat mhux minħabba l-proġett innifsu jew it-teknika li biha kien se jsir, iżda minħabba kunflitt ta’ interess li seta’ kellu wieħed mill-membri tal-bord.

Il-Grupp db kompla jisħaq li hu beħsiebu jerġa’ japplika għal dan il-proġett u fost oħrajn, qed jipproponu li:

  • tinżamm il-binja tal-ITS;
  • Is-substation tal-Gwerra Bierda jinżamm intatt; u
  • Ikun hemm żieda fl-ispazji pubbliċi.

More in Politika