Sammut jallega li saru manuvri biex jinbidlu n-nies li se jivvutaw fil-Kunsill Ġenerali

Ivan Bartolo, Mark Anthony Sammut, Emma Portelli Bonnici, Martin Musumeci u Emvin Bartolo b'allegazzjonijiet serji u talba għal azzjoni

Ivan Bartolo, Mark Anthony Sammut, Emma Portelli Bonnici, Martin Musumeci u Emvin Bartolo f'ittra lill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sostnew illi l-lista ta’ Kunsilliera li se jkunu eliġibbli biex jivvutaw nhar is-27 ta’ Lulju 2019, se tkun iffriżata mid-data li Adrian Delia sejjaħ il-Kunsill Ġenerali, jiġifieri l-4 ta’ Lulju 2019, u mhux mid-data li ġiet sottomessa t-talba oriġinali, jiġifieri fil-25 ta’ Ġunju 2019, minn dawn il-persuni msemmijin.

"Ninsabu infurmati li fil-perjodu ta’ bejn dawn iż-żewġ dati saru diversi manuvri interni b’istruzzjonijiet lill-Kumitati Sezzjonali biex jinbidlu nies li ser ikollhom dritt għall-vot fil-Kunsill Ġenerali," allegaw dawn il-ħamsa. 

Dawn qalu illi jidher li anke l-mistoqsija li dwarha se jsir vot fil-Kunsill Ġenerali inbidlet kompletament. Minkejja li ma qalux x'inhi l-mistoqsija li qegħda tkun proposta li ssir, sostnew illi huwa inaċċettabbli li l-Kumitat Eżekuttiv "jiġi żgwidat b’dan il-mod u dan kollu jkompli jsaħħaħ u jikkonferma t-tħassib tagħna dwar kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitmexxa."

Finalment talbu li jitlaqqa' b'urġenza l-Eżekuttiv tal-PN, immexxi minn Alex Periċi Calscione

More in Politika