Se jinbena pont pedonali li jgħaqqad Kordin, l-MCAST u Raħal Ġdid

Se jkunu qed jissebbħu wkoll l-inħawi fuq iż-żewġ naħat fejn se jsir il-pont

Infrastructure Malta se tkun qed tibni pont ġdid fi Triq Dom Mintoff, li kienet magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Kordin, biex iżżid l-aċċessibilità bejn Kordin, il-Kampus tal-MCAST u Raħal Ġdid, għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi, bir-rota jew jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta spjegat kif dan il-pont se jkun ta’ benefiċċju għall-familji li jgħixu fiż-żona residenzjali ta’ Kordin għax se jgħaqqad din il-parti mal-qalba ta’ Raħal Ġdid, apparti li se jservi wkoll bħala rotta eħfef u aktar sigura għall-eluf ta’ studenti li jimxu, jsuqu r-rota jew jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-Iskola Mariam Al Batool li tinsab ftit ‘il fuq fit-telgħa.

Dan il-pont, kompliet tispjega l-istqarrija, se jkompli jtejjeb ukoll l-aċċess għaż-Żona Industrijali ta’ Kordin, għall-Moskea u l-knisja li hemm fl-inħawi.

In-naħa tal-pont propost fuq ix-xaqliba ta’ Kordin se tkun f’sit li bħalissa ma jintużax, li jinsab bejn Triq Dom Mintoff u t-triq li twassal għad-daħla prinċipali għall-Kampus tal-MCAST u ż-żona residenzjali ta’ Kordin.

Il-pont, li se jkun erba’ metri wiesa’ u twil 20 metru, jaqsam għal ġo Ġnien il-Mediterran li qiegħed diversi metri ogħla mit-triq

L-istruttura tal-ħadid se jkollha rampi adattati kemm għall-mixi kif ukoll għar-roti fuq iż-żewġ naħat tagħha. L-istqarrija spjegat ukoll kif dawn ir-rampi ġew iddisinjati skont il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, biex jiġi żgurat li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Fuq in-naħa ta’ Kordin se jsir ukoll lift għal aktar flessibilità.

Infrastructure Malta qed tippjana li ssebbaħ l-inħawi fuq iż-żewġ naħat fejn se jsir il-pont, inkluż il-parti ta’ Ġnien il-Mediterran.

F’din il-parti tal-ġnien li tinsab mitluqa, l-aġenzija se tagħmel passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad il-pont mal-waqfiet eżistenti għall-karozzi tal-linja fit-Telgħa ta’ Raħal Ġdid, it-triq li twassal għaċ-ċentru ta’ din il-lokalità.

Kemm il-gverta tal-pont kif ukoll il-passaġġ ġdid se jkunu attrezzati b’sistema ta’ CCTV cameras u bid-dwal għal aktar sigurtà f’kull ħin tal-ġurnata. Il-waqfiet għall-karozzi tal-linja li hemm fl-inħawi se jiġu modifikati biex ikunu aktar aċċessibbli mill-pont u l-passaġġ.

Intant, diġà beda l-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar biex issir il-konsultazzjoni pubblika u biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għall-bini tal-istruttura. Dan ix-xahar ukoll, Infrastructure Malta ħarġet sejħa għall-offerti għas-servizzi li hemm bżonn, biex ix-xogħlijiet għall-bini tal-pont jibdew kemm jista’ jkun malajr aktar tard din is-sena.

Infrastruttura simili se tkun inkluża wkoll fis-Central Link Project, Pembroke-St Julian’s Connections, fil-proġett tal-mini li se jsiru taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u Msida Creek Project.

Dawn il-proġetti kbar ta’ titjib fit-toroq arterjali se jkunu jinkludu pontijiet pedonali, waqfiet ġodda għall-karozzi tal-linja u kilometri ta’ korsiji ġodda għar-roti u passaġġi, fosthom l-itwal korsija għar-roti fiż-żewġ direzzjonijiet li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.      

More in Politika