Jeħel xahrejn ħabs wara disa' snin akkużat li għen fl-importazzjoni tal-kannabis

Ir-raġel, li kellu 23 sena meta kien tressaq akkużat fl-2010, wieġeb ħati l-ewwel darba x-xahar li għadda

Ritratt: Arkivji
Ritratt: Arkivji

Raġel ingħata sentenza ta’ xahrejn ħabs wara li nstab ħati li kien parti minn operazzjoni biex ġew impurtati 10 kilogrammi kannabis f’Malta.

Ir-raġel, li kellu 23 sena meta kien tressaq akkużat fl-2010, wieġeb ħati l-ewwel darba x-xahar li għadda.

L-akkużat, minn Birkirara, kien akkużat li kien għen persuni oħra biex tiġi impurtata d-droga.

Oriġinarjament, huwa kien akkużat flimkien ma’ erba’ persuni oħra, iżda fl-2014, il-Qorti Kriminali kienet bagħtet dan il-każ lura għand il-Qorti tal-Maġistrati biex ir-raġel ikun akkużat separatament u dan għax l-involviment tiegħu kien wieħed minimu.

Il-Maġistrat Neville Camilleri, huwa u jaqra s-sentenza, saħaq li filwaqt li ma jistax ma jibgħatx lir-raġel il-ħabs iżda insista li wieħed ma jistax ma jikkunsidrax il-fatt li l-involviment tiegħu kien żgħir u li kkopera mal-Pulizija, tant li bis-saħħa tiegħu ġew arrestati aktar persuni.

Għalhekk, huwa bagħtu xahrejn ħabs u mmultah €200. Kien ordnat ukoll iħallas €427 fi spejjeż tal-Qorti.

Kif jiġri fil-każi kollha ta’ traffikar tad-droga, l-assi kollha tar-raġel ġew ikkonfiskati.

More in Politika