Intervista | ‘Diġà tressqu 100 applikazzjoni minn persuni 40+ li ma jistgħux jixtru post’

Hekk kif din il-ġimgħa l-Gvern nieda r-riforma fil-kera privata ta’ wara 1995, l-ILLUM tiltaqa’ u tintervista l-bniedem inkarigat minn dan il-pass storiku, is-Segretajru Parlamentari Roderick Galdes

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes

Wara diversi attentati sabiex tiġi indirizzata l-ġungla tal-kirjiet fil-gżejjer Maltin, din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes varaw ir-riforma tal-kera privata, li se tidħol fis-seħħ f’Jannar illi ġej u li se tinkludi tibdiliet kbar bl-għan li tinħoloq aktar stabbiltà fis-suq.

Fid-dawl ta’ dan l-ewwel pass storiku, din il-gazzetta ltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari Galdes. Miegħu, iddiskutiet fid-dettall ir-riforma li tħabbret din il-ġimgħa, il-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali u dawk affordabli kif ukoll dwar l-isfida attwali biex żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom.

Nibdew din l-intervista billi nistaqsih mistoqsija ċara dwar ir-riforma li tnediet din il-ġimgħa. Ir-riforma tal-kera hija l-aħħar pass fil-ħidma tas-Segretarjat għal dan is-suq?

“Dan kien pass importanti ferm,” beda biex jisħaq Galdes, “se jkollna leġiżlazzjoni ċara li għall-ewwel darba tirregolarizza l-kera ta’ wara s-sena 1995. Wara li tgħaddi mill-Parlament, l-Awtorità tad-Djar se tgħaddi minn proċess amministrattiv qawwi sabiex tkun tista' żżomm dan is-settur f’livell professjonali b’sistemi ta’ infurzar li se jkunu f’posthom,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

Għandna nkomplu nżidu l-inizjattivi ta’ self soċjali. Aħna s-surplus qed nerġgħu nqassmuh lin-nies

Hekk kif għamel referenza ċara dwar l-infurzar, ma stajtx nonqos milli nistaqsih fuq x’tip ta’ infurzar se jkun qiegħed jiġi attwat mill-Awtorità. Huwa jkompli jispjega li, “aħna m’aħniex qegħdin nibnu imperu iżda se naraw li riforma proposta tiġi mħarsa mill-partijiet interessati. Uffiċjali ta’ Infurzar se jkunu responsabbli miż-żamma u r-rapporti kollha li tirċievi l-Awtorità,” qal Galdes.

Żied jgħid li dan se jkun pass tant importanti għall-inkwilin għaliex skontu, “qabel l-inkwilin kien jonqos milli jirrapporta għaliex jaf li ma kinetx se tittieħed azzjoni.”

‘Imma l-kirjiet xorta waħda għadhom għoljin... X’se jagħmel il-Gvern?’

Minkejja r-riforma xorta jibqa’ l-fatt li l-kirjiet f’Malta fl-aħħar snin splodew ’il fuq fil-prezz. Kif jista’ jindirizza din il-kwistjoni l-Gvern?

Huwa jirrispondi u jgħid, “għalhekk hemm l-akkomodazzjoni soċjali u diversi skemi oħra fosthom dik li skont l-istat tal-applikant jieħu sussidju sabiex iħallas il-kirja u jgħix ħajja komda. Minn Jannar diġà bbenifikaw mas-600 familja minn dan il-benefiċċju b’uħud jieħdu lura €400 fix-xahar,” sostna Galdes.

Iżda l-postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali huma limitati? “Huwa jgħid li din dejjem kienet però għall-ewwel darba dan il-Gvern ħaseb biex jinvesti bis-serjetà u bħalissa għaddejjin proġetti fuq 22 sit żviluppati fosthom is-Siġġiewi, Ħ’Attard, l-Imsida, Bormla u Birkirkara.”

Nagħmillu mistoqsija oħra, u nistaqsih jekk kienx falliment li wara l-ewwel snin tal-leġiżlatura ta’ Gvern Laburista l-akkomodazzjoni soċjali ma ratx proġetti.

Huwa jirrispondi u jgħid,“trid tara minn fejn tlaqna, kellna sitwazzjoni ta’ 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista li kien ħa deċiżjoni sabiex ma jibqax jibni proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali. Fl-istess waqt fl-2013 kellna defiċit u b’hekk b’dan id-dejn ma stajniex nagħmlu proġetti kapitali kbar minħabba restrizzjonijiet tal-UE.”

B’hekk Galdes ikompli jgħid kif l-ewwel għan tal-Gvern kien li joħroġ mis-sitwazzjoni fiskali diżastruża sabiex ikun jista’ jkollu l-fondi neċessarji sabiex jindirizza l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali.

Minn Jannar lil hawn diġà bbenifikaw mas-600 familja minn dan il-benefiċċju, b’uħud jieħdu lura €400 fix-xahar

“Illum qegħdin naraw il-frott, jiena għamilt l-almu kollu tiegħi fl-aħħar sentejn sabiex nibqa’ nixpruna dan is-settur ’il quddiem. Kellna nqajmu l-ekonomija, biex nimirħu fuq dawn il-proġetti. Fl-istess waqt sibt appoġġ kbir mill-Prim Ministru li dejjem tani kemm l-appoġġ politiku u dak finanzjarju. Dejjem sibt il-bibien miftuħa u dan għadu l-bidu.”

Minkejja dan kollu, erġajt staqsejtu jekk jaħsibx li minkejja s-sitwazzjoni fiskali, sitt snin kinux ħafna sabiex jitpoġġew l-ewwel pjanijiet għall-akkomodazzjoni soċjali.

Huwa jerġa' jkun ċar fi kliemu u jsostni, “kemm fl-2013, kif ukoll fl-2017 ma kellix appartamenti f’idi. Illum qegħdin naħdmu sabiex inbiddlu l-prassi tal-passat u nilħqu l-għanijiet tagħna.”

Daqshekk wirt awtomatiku

Il-wirt awtomatiku ta’ postijiet tal-housing kienet waħda mill-kwistjonijiet tal-Gvern f’dan is-settur u kemm-il darba aċċena għaliha fil-passat. X’se jkun qiegħed jiġri fil-futur ? Se tinqata’ din il-prassi?

Galdes jgħid li, “bil-provvista ġdida ta’ appartamenti se nimxu ’l bogħod mill-wirt. Ma jagħmilx sens li tagħti ċ-ċavetta lil xi ħadd u tibqa' tintiret. Din hi l-problema fil-provvista ta’ appartamenti. Irridu nassiguraw li l-postijiet li jingħataw ikunu bbażati fuq means test rigorużi fuq numru ta’ snin,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Fil-każ ta’ dawk l-appartamenti li ilhom snin twal jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra u li mhux neċessarjament jinsabu fi problemi soċjali x’se jkun qiegħed jagħmel il-Gvern?

Fuq din Galdes għamilha ċara li mhux se jkun qiegħed iħares sabiex jindirizza l-wirt awtomatiku ta’ postijiet li ngħataw 20 jew 30 sena ilu. “Fost ħafna affarijiet wieħed ma jistax jiżgombra familja sħiħa, hi diffikultà kbira għaliex ovvjament familja tidra f’lokalità.”

Apparti minn dan, huwa spjega li l-postijiet soċjali għandhom jibdew jingħataw mhux biss għaliex individwu jew familja għandhom bżonn post iżda jingħataw lil dawk li jipprovdu pjan ta’ kif huma se jħarsu biex jimxu minn skala għal oħra sabiex finalment isiru sidien ta’ darhom.

“Irridu naraw li l-applikant se jkun qiegħed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jimxi ’l quddiem. Din se tkun qiegħda tagħmel ġustizzja ma’ dawk in-nies li qatt ma talbu xejn lill-Gvern. Dawk in-nies li ħadmu, stinkaw mal-familja tagħhom sabiex felħu jixtru dar, għaliex wara kollox il-proġetti soċjali huma ffinanzjati mit-taxxi tal-poplu,” sostna Galdes.

Is-sitwazzjoni ta’ 10 persuni ġo appartament wieħed kif se teqirduha?

L-iffular f’appartamenti, jiġifieri meta appartament ta’ koppja jinkera lil 10-15-il persuna hi realtà f’pajjiżna. X’se jagħmel Galdes sabiex jindirizza din il-problema? “M’aħniex se nbiddlu kollox minn lejl għal nhar, din il-problema taqa’ wkoll taħt il-kappa tas-sanità u l-ippjanar,” qal Galdes.

Huwa żied jgħid li, “minkejja kollox aħna ma ninkoraġġixux il-kirjiet ta’ kmamar fuq bażi fit-tul u l-liġi ġdida tagħmilha ċara din, hekk kif dan jista' jinkera biss għal sitt xhur u ma tistax teċċedi dan il-perjodu.”

Fl-istess waqt huwa spjega li grazzi għar-riforma, l-awtorità se jkollha aktar viżibbiltà dwar l-inkwilini involuti f’kirja. Dan għaliex grazzi għall-forom ta’ reġistrazzjonijiet mal-ARMS li huma neċessarji għall-inkwilin, l-Awtorità se tkun mgħarrfa b’kemm hemm inkwilini f’proprjetà.

Iż-żgħażagħ kif jistgħu jsiru sidien ta’ darhom fiż-żminijiet tal-lum?

Ċertament li waħda mill-akbar kwistjonijiet ta’ tħassib għaż-żgħażagħ Maltin hi s-suq tal-proprjetà, hekk kif bħal prezzijiet tal-kera, dawk tal-propjetà spara ’l fuq. “Dejjem kienet sfida anke meta kont se nixtri jiena però nemmen iva li għandna nkomplu ninċentivaw żgħażagħ biex isiru sidien ta’ darhom. Għandna nkomplu nżidu l-inizjattivi ta’ self soċjali. Aħna s-surplus qed nerġgħu nqassmuh lin-nies.”

Huwa jisħaq li, “jixhed dan il-fatt, li 90% tal-applikanti tas-self soċjali kienu żgħażagħ li ma kellhomx biżżejjed flus biex jaċċessaw is-suq.”

Wara l-2013, ridna nirranġaw il-qagħda ekonomika imbagħad stajna naħdmu fuq l-akkomodazzjoni soċjali

Apparti żgħażagħ kwistjoni oħra ta’ tħassib kienet għal dawk li għandhom ’l fuq minn 40 sena u m’għandhomx biżżejjed meżi biex jixtru post, numru minnhom persuni sseparati.

Aktar kmieni din is-sena l-Gvern nieda l-Home Equity Sharing Scheme, skema li se tgħin lil persuni ta’ aktar minn 40 sena biex anke huma jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Staqsejt lis-Segretarju Parlamentari dwar ir-rispons li kien hemm fuq din l-iskema. “Minn meta ħabbarna din l-iskema diġà ġew irreġistrati mal-100 applikazzjoni. Mhux kulħadd għandu bżonn il-Gvern jgħinu u lanqas irridu dik is-sitwazzjoni, però nafu li hemm nies oħrajn li għandhom bżonn imbuttatura. Irridu dejjem inħarsu biex nimbuttaw lin-nies ħalli dawn isiru sidien ta’ darhom, għalhekk il-mobiltà soċjali hi l-għan tal-viżjoni tagħna,” temm jgħid Galdes.

More in Politika