Delia għandu jitlaq jew jibqa'? Ara kif irrispondew id-Deputati tal-PN fuq l-ILLUM

Mistoqsija ċara. Imma risposti ċari wkoll?

Delia jieħu selfie wara li ivvota fl-elezzjoni tal-PE
Delia jieħu selfie wara li ivvota fl-elezzjoni tal-PE

Il-ġimgħa li għaddiet, bħall-aħħar ġimgħat, ħafna mill-attenzjoni kienet fuq il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-istess partit Adrian Delia. Numru ta’ Kunsilliera, anke jekk in-numru qed ikun diskuss u kien hemm madwar 28 persuna li lanqas biss huma Kunsilliera, sfidaw lit-tmexxija ta’ Delia u sfurzaw Kunsill Ġenerali.

Din hija l-ewwel darba fl-istorja politika riċenti illi sezzjoni  tal-għeruq irribellaw tant kontra t-tmexxija tal-istess partit.

Mhux xi sigriet li ħafna minn din ir-ribelljoni hija, parzjalment, kawża ta’ skuntentizza (u aktar!) fost il-Grupp Parlamentari. Inkitbu diversi artikli u opinjonijiet dwar x’jaħsbu d-deputati Nazzjonalisti u ma’ liema fazzjoni jinsabu.

L-ILLUM marret fuq ras il-għajn u staqsiet, f’kuntatt telefoniku ma’ kull Deputat Nazzjonalista x’jaħseb: Quddiem l-aħħar żviluppi politiċi Adrian Delia għandu jibqa’ Kap tal-partit jew jirriżenja?

Hawn huma t-tweġibiet:

Edwin Vassallo

“M’għandix kummenti.”

Stephen Spiteri

“Jiena nemmen li għandna nagħtu ċans l-eżitu ta’ dak li jiġri fil-Kunsill Ġenerali. Ma nirrispondix
mistoqsija bħal din, hekk. Nemmen ukoll iżda li għandna bżonn ħafna direzzjoni.”

Frederick Azzopardi

“Ma niddiskutix affarijiet bħal dawn fil-midja. Dawn
niddikskutihom internament. Delia għandu jibqa’ jmexxi
skont il-mandat li ngħata.”

Ivan Bartolo

“Le m’għandux jitlaq issa. Imma nemmen li għandu jieħu deċiżjonijiet drastiċi, speċjalment fejn jirrigwarda policies, għax il-partit m’għandux.”

Karl Gouder

“Tkellimt fil-Grupp Parlamentari u tajt parir hemm u naħseb se nħallihom f’dak il-livell. Hemm il-firem, naħseb li għandu jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u niddeċiedu hemmhekk.”

Chris Said

“Hemm petizzjoni quddiem il-Kunsill Ġenerali u l-proċess jitlob li ssir diskussjoni u l-membri jwieġbu għal dik il-mistoqsija (li staqsiet il-gazzetta).”

Jason Azzopardi

“Is-sitwazzjoni hija prijorità bla preċedent. L-ewwel li għandu jiltaqa’ u se jiltaqa’ għada huwa l-Grupp Parlamentari. Dak li għandna ngħidu, ngħiduh hemmhekk.”

Kristy Debono

“Aħjar ma nwieġeb xejn. Jiena qed nieħu ħsieb dan il-proċess u allura aħjar ma nitkellimx. Delia, infakkar, tela’ b’mod demokratiku minn fost it-tesserati.”

David Agius

“Dak li għandi ngħid ngħidu fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.”

Robert Cutajar

“Il-pożizzjoni tiegħi nagħmilha fejn għandi nagħmilha.”

Toni Bezzina

“Dawn it-tip ta' deċiżjonijiet neħodhom fil-fora apposta fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Clyde Puli

“Adrian Delia kien, skont l-istatut, elett demokratikament mit-tesserati tal-partit fl-2017 b’terminu ċar li jwassal sal-elezzjoni ġenerali li jmiss fejn imbagħad ikun jeħtieġ li jitlob konferma. Delia għandu jibqa’ jmexxi skont il-mandat li ngħata.”

Kevin Cutajar

“M’għandix kumment”

Mario Galea

“Nemmen li ma jagħmilx ġid lill-partit li jkun hemm tiġrija interna. Jekk il-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi dwar Kap jew le u allura dak li jgħid l-istatut mhux kompitu tiegħi. Però nibqa’ nsostni li Delia għandu jibqa’ għax hekk riedu l-maġġoranza tat-tesserati.

Mario De Marco

“Jittieħed il-vot, imbagħad skont il-vot
Delia jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.
Għalhekk se jsir il-vot.”

Claudette Buttigieg

“M’għandix kumment”

Karol Aquilina

“Delia jmur għall-vot, imbagħad jara hu kif jinterpreta dak ir-riżultat. Jitlef jew jirbaħ jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu jekk il-pożizzjoni tiegħu hix tenibbli, kif għandu jistaqsi lilu nnifsu dan issa wkoll. Hu jrid jara kif se jinterpreta r-riżultat, mhux għalih imma għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.”

Ryan Callus

“It-tneħħija tal-Kap Adrian Delia mhijiex is-soluzzjoni f’dan il-mument, madankollu bħalma tennejt fil-grupp parlamentari, jeħtieġ bidliet radikali fil-partit.”

Dawn ma ridux iwieġbu...

Dawn kollha, minkejja diversi telefonati u anke messaġġi bil-mistqosija, ma weġbux dwar jekk iridux lil Adrian Delia jibqa’ jew jitlaq.

Simon busuttil, Therese Commodini Cachia, Maria Deguara, Beppe Fenech Adami, Claudio Grech, Carm Mifsud Bonnici, Marthese Portelli.

More in Politika