L-ewwel tliet rekluti nisa fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Dan huwa l-akbar reklutaġġ fl-istorja tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Dalgħodu, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ltaqa’ mal-129 rekluta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bħalissa għaddejjin minn taħriġ differenti ġewwa l-Fire Station f’Ħal Far. 

Fost dawn, għall-ewwel darba, f’dan ir-reklutaġġ hemm tliet rekluti nisa.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li dan huwa l-akbar reklutaġġ fl-istorja tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Saħaq li l-Ministeru flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’ħidma kontinwa sabiex jevalwaw u jippjanaw roadmap tal-bżonnijiet kollha tad-dipartiment.

Huwa qal li ser ikompli l-investiment fl-apparat u makkinarju biex il-protezzjoni ċivili tkompli tissaħħaħ.

Fost dawn, hemm pjanijiet ukoll sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinbidel għal wieħed aktar professjonali u li jilqa’ għal kull ċirkustanza li tista’ tinqala relatata mal-protezzjoni ċivili.

Appari minn hekk, għaddejjin laqgħat biex jiġi konkluż il-ftehim kollettiv tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex il-membri kollha jkunu jistgħu jaħdmu b’kundizzjonijiet u miżuri aħjar.

Bħalissa r-rekluti l-ġodda qed jagħmlu taħriġ ibbażat fuq sitwazzjonijiet reali li eventwalment jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-futur.

Dawn jinkludu għarfien kif jintefa’ n-nirien, is-salvataġġ fuq il-baħar, l-użu effiċjenti ta’ pompi u foam, salvataġġ wara inċidenti tat-traffiku, diżastru naturali fost oħrajn.

More in Politika