Fi żmien ħames snin tfal fostered jistgħu jiġu adottati

Din hija waħda mill-miżuri fl-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Adozzjoni li ġiet imnedija llum

Il-perjodu ta’ stennija biex tfal fostered ikunu jistgħu jiġu adottati se jkun qed jonqos minn għaxar snin għal ħames snin.

Din hija waħda mill-miżuri mniżżla fl-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Adozzjoni li ġiet imnedija llum stess.

Waqt konferenza, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq li din l-istrateġija se tkun qed toffri gwida u direzzjoni fit-tliet snin li ġejjin

Il-Ministru tkellem dwar l-importanza li wieħed ikun konxju li dan suġġett delikat ħafna li jinvolvi minorenni u li kwalunkwe trattament inġust jista’ jesponi lil dawn it-tfal f’vulnerabbiltà.

“Dan hu wieħed mill-għanijiet li għalihom twaqqfet l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li qed tirregola dawn is-servizzi flimkien ma’ oħrajn biex jingħataw bl-aħjar standards,” fakkar il-Ministru.

Fil-fatt, il-Ministru żied li nhar it-Tnejn stess se titla’ fi stadju ta’ kumitat il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal biex imbagħad ikun jista’ jsir it-tielet qari fil-Parlament u minn hemm tibda l-implimentazzjoni tal-liġi.

“Din il-liġi se tesplora l-possibbiltajiet ta’ adozzjonijiet lokali biex b’hekk aktar tfal ikunu jistgħu jitrabbew f’ambjent sigur u mimli mħabba,” saħaq il-Ministru.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards Soċjali Matthew Vella spjega li l-għan ta’ din l-istrateġija hu li titnaqqas il-burokrazija filwaqt li jiġu konsolidati r-regoli biex l-aħjar interess tat-tfal jiġi assigurat.

L-istrateġija hi maqsuma fuq tliet pilastri u fiha 25 miżura li jindirizzaw it-taħriġ għal ġenituri adottivi, prospettivi u professjonisti, il-qasam ta’ tfittxija tal-oriġini, ir-riċerka u l-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti.

More in Politika