Il-permess kontroversjali tal-Grupp db iddikjarat null u għalhekk ġie annullat

Il-permess ġie ddikjarat null wara li l-Qorti stabbilit li kien hemm kunflitt ta' interess ċar minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-PA

Il-permess kontroversjali għall-proġett tal-Grupp db biswit il-Bajja ta' San Ġorġ ġie ddikjarat null u għalhekk dan ifisser li ġie annullat.

Il-permess ġie ddikjarat null wara li l-Qorti stabbilit li kien hemm kunflitt ta' interess ċar minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, Matthew Pace.

Dan hekk kif Matthew Pace u wieħed mis-sidien tal-fergħa tas-Swieqi tal-aġenti tal-proprjetà Remax, liema kumpanija kienet qed tirriklama l-appartamenti f'dan il-proġett.

Dan ifisser li jekk il-Grupp db jiddeċiedi li jinsisti li jseħħ il-proġett irid jerġa' jibda l-proċess kollu mill-bidu.

L-Imħallef Mark Chetcuti iddeċieda dan l-appell li kien infetaħ minn kunsilli lokali u diversi gruppi ambjentali kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar li kien ikkonferma l-permess.

F'Settembru li għadda, Bord tal-Awtorità Ippjanar kien approva l-proġett kontroversjali tal-Grupp db f'Pembroke liema żvilupp kellu jinbena fuq medda art ta' 109,919 metru kwadr li sa ftit xhur ilu kien hemm fuqha l-Istitut għall-Istudju Turistiċi.

Dan kellu jinkludi torri ta' 38 sular, lukanda ta' 17-il sular, casino u anke stabbiliment kummerċjali.

Il-proġett kien approvat minkejja li  l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet aktar minn 4,000 oġġezzjoni għal dan il-proġett, partikolarmant mir-residenti li saħqu kif l-ogħli tal-bini kien se jitfa' f'dell permanenti l-proprjetajiet tagħhom u se jnaqqas il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

More in Politika