Pierre Portelli jirriżenja; Jgħid li hemm bżonn jinkixef min qed jagħmel il-ħsara lill-PN

Fl-ittra tar-riżenja, Portelli saħansitra jakkuża Deputati b'attivitajiet illegali biex itajru lil Delia min-nofs

Iċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications irriżenja mill-kariga tiegħu u ħabbar dan ilbieraħ wara li spiċċat il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq Facebook, Portelli qal li hu rriżenja l-ġimgħa li għaddiet iżda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, talbu biex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Madanakollu insista li dak li seħħ waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv saħħaħ it-tħassib tiegħu u għalhekk ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja.

Fl-ittra tar-riżenja tiegħu, Portelli saħaq li hemm persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li hemm bżonn jinkixfu biex kulħadd ikun jaf il-ħsara li qed jagħmlu lill-PN u insista li  rriżenja biex ikun jista' jagħmel dan minn barra mingħajr ma jippreġudika l-pożizzjoni tiegħu.

Saħansitra jgħid li hemm Deputati Nazzjonalisti li anke sostnew jew għenu "attività illegali" minn terzi persuni sempliċiment biex itajru lil Delia min-nofs.

Insista li hu jibqa' dejjem Nazzjonalist u se jagħmel minn kollox biex jara li l-Partit Nazzjonalista jirkupra u jibda joffri s-soluzzjonijiet li l-pajjiż jeħtieġ.

Intant, illejla mistenni jerġa' jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista hekk kif jiskadi dak li rapporti fuq midja differenti qed isejħulu bħala 'ultimatum,' mogħti lill-Kap Nazzjonalista.

More in Politika