Koppja takkuża lill-istaff ta' Mater Dei għall-mewt tat-tarbija tagħhom

Huma qed jisħqu li l-istaff ta' Mater Dei kien aktar moħħu fil-flus milli f'ħajjet it-tarbija

Koppja qed ifittxu lill-Istat għad-danni wara li fi kliemhom tilfu l-ewwel wild tagħhom għax l-istaff ta’ Mater Dei kienu aktar interessati fil-flus.

Il-mara Rumena u s-sieħeb tagħha li hu Serb spjegaw kif suppost it-tarbija kellha titwieled fis-sitta ta’ Ġunju.

Filwaqt li kollox kien sejjer kif ippjanat, il-koppja qed tisħaq li t-tarbija mietet fil-ġuf tal-omm għax aktar milli fit-twelid, l-istaff ta’ Mater Dei kienu aktar interessati li jassiguraw il-pagament permess li l-missier mhux mill-Unjoni Ewropea.

Fi protest ġudizzjarju kontra d-Direttur Ġenerali tas-Servizzi tas-Saħħa, il-Prim Ministru, il-Ministru għas-Saħħa, is-Segretarjat Permanenti tiegħu u l-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, fost oħrajn, il-koppja qed jinsistu li l-mewt tat-tarbija kien kaġun “tal-inprudenza u n-nuqqas ta’ diliġenza u kura mill-istaff u l-awtoritajiet responsabbli kemm direttament u anke indirettament.”

Il-protest ma jispjegax kif l-allegata negliġenza waslet għall-mewt tat-tarbija, madanakollu hu mifhum li normalment il-ħlas jintalab wara li trattament ikun ingħata.

Il-protest jisħaq ukoll li l-omm li ġejja minn Stat Membru kellha l-European Health Insurance Card, li permezz tagħha hija eliġibbli għal trattament mediku bla ħlas u anke tariffi orħos f’każ li jkollha bżonn servizz ta’ emerġenza fl-isptarijiet pubbliċi.

Minkejja dan, ikompli jgħid il-protest, l-istaff ta’ Mater Dei kien aktar moħħu fil-pagament milli fil-kura tal-omm u t-tarbija.

Il-koppja qed titlob lil dawk li kontrihom sar il-protest biex iħallsu d-danni fi żmien ħmistax-il ġurnata u qed jirriservaw id-dritt li jieħu passi ulterjuri skont dak li tippermetti l-liġi.

More in Politika