‘Ħallewli lit-tifla waħedha u mwerwra tistenna l-iskola tiftaħ’

Żewġ ġenituri jilmentaw kif binthom li għad għandha ħames snin spiċċat waħedha tistenna l-iskola tiftaħ, iżda jidher li dan mhux każ iżolat. L-iskejjel għandhom jiftħu qabel? It-tfal qed jitwasslu kmieni wisq?

Żewġ ġenituri li tkellmu mal-gazzetta ILLUM, urew it-tħassib u r-rabja tagħhom wara li binthom li għad għandha biss ħames snin tħalliet waħedha, fi triq traffikuża, tistenna l-iskola tiftaħ.

“Ħallewli t-tifla waħedha. Telquha hemm fi triq mimlija karozzi. Tgħidx kif twerwret,” qaltilna din l-omm b’qalbha maqsuma.

Il-gazzetta ILLUM rat filmati meħuda minn kameras tas-sigurtà li juru kif din it-tifla waslet l-iskola għall-ħabta tas-6:30am.

Għall-bidu, ix-xufiera tal-vann tal-iskola baqgħet magħha tistenna, iżda wara ftit tal-ħin telqet, bit-tifla ssib ruħha waħedha tistenna l-iskola tiftaħ.

Ma jilħaqx jgħaddi ħafna ħin meta t-tifla tibda tidher skomda u taqbad tippanikja, tippassiġġa fuq il-bankina ma tafx x’se tagħmel u tibki.

“Immaġina kieku qasmet it-triq. Dak il-ħin tkun mimlija karozzi u vannijiet tad-delivery,” qaltilna l-omm. “Minn dakinhar saret tibża’ taqbad il-vann. Kif tirkeb mill-ewwel jimtlewlha għajnejha bid-dmugħ,” qaltilna l-omm.

Wara li għaddew madwar ħames minuti, mara anzjana tinnota lit-tifla u tidher tipprova tikkalmaha tant li baqgħet magħha madwar tmien minuti sakemm bdew jaslu tfal oħra tal-iskola.

Dan ifisser illi kieku ma għaddietx dik l-anzjana, it-tifla ta’ ħames snin kienet se tispiċċa tagħmel kważi kwarta waħedha. Fi kliem l-omm, f’dak il-ħin, seta’ jiġri minn kollox.

“Imnalla kienet hi. Imma immaġina kieku flok l-anzjana għadda xi ħadd li kellu intenzjonijiet ħżiena,” qaltilna l-omm inkwetata.

Iżda staqsejna lill-ġenituri jekk dan kienx każ ta’ darba, bl-omm tispjega kif ħafna drabi t-tifla tasal qabel tiftaħ l-iskola iżda normalment tkun ma’ tfal oħra akbar minnha.

Fil-fatt, l-omm urietna filmati oħra ta’ tfal żgħar jistennew quddiem l-iskola u spjegat magħna kif ilha żmien tiġbed l-attenzjoni inkluż tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Kummissarju għat-Tfal u saħansitra tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

Filmati minn CCTV juru t-tifla waħedha u anzjana tipprova tikkalmaha
Filmati minn CCTV juru t-tifla waħedha u anzjana tipprova tikkalmaha

Minkejja dan, kompliet tispjega magħna l-omm, qatt ma sar xejn dwar l-ilmenti tagħha u mhux l-ewwel darba li baqgħet bla risposti. Kien dan li wassal lill-ġenituri biex jitkellmu mal-gazzetta ILLUM.

Iżda dan mhux każ iżolat hekk kif din il-gazzetta tkellmet ma’ aktar ġenituri li għad għandhom tfal żgħar li jmorru skejjel privati u tal-Knisja (bħal din it-tifla), li jaslu l-iskola qabel tiftaħ.

‘It-tfal qed jitwasslu l-iskola kmieni żżejjed’

Il-gazzetta bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni tistaqsi jekk tfal jistgħux jitwasslu l-iskejjel qabel jiftħu u jekk hemmx direttiva dwar il-ħinijiet li fihom għandhom jiftħu l-iskejjel.

Madanakollu, ġaladarba din l-iskola partikolari hija tal-Knisja, il-Ministeru ma weġibx, bil-kelliema titlobna ngħaddu l-mistoqsijiet lis-Segretarjat tal-Kurja għall-Edukazzjoni Nisranija.

L-ILLUM tkellmet mad-Delegat tal-Arċisqof Patri Charles Mallia li insista li l-problema hija li t-tfal qed jitwasslu kmieni żżejjed u mhux li l-iskejjel qed ikunu għadhom magħluqa.

Patri Charles Mallia
Patri Charles Mallia

“Fis-6:30am jiena nkun għadni lanqas tlaqt mill-Kunvent. It-tfal ma għandhomx jitwasslu f’dawk il-ħinijiet,” saħaq Patri Charles.

Mistoqsi jekk hemmx xi direttiva fi xħin jinfetħu l-iskejjel, Patri Charles wieġeb fin-negattiv iżda saħaq li l-iskejjel diġà qed jiftħu qabel u hemm skejjel tal-Knisja li saħansitra jiftħu qabel dawk tal-Istat.

“Biex tiftaħ skola aktar kmieni trid iġġib impjegat,” kompla jfakkar id-Delegat tal-Arċisqof.

‘Aħna mmorru lil hinn mir-responsabbilità tagħna u noqogħdu nistennew mat-tfal’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Emanuel Falzon u Justin Said, mill-Koperattiva tal-Minibuses li insistew mal-ILLUM li għalkemm xogħol ix-xufiera huwa li jwasslu lit-tfal sal-iskola, ma jaqblux li dawn għandhom jitilquhom jekk tkun għadha magħluqa.

Iż-żewġ kelliema saħqu li l-ebda tifla, aħseb u ara ta’ ħames snin ma għandha titħalla waħedha quddiem skola, tant li minkejja li x-xufiera tal-vann inkwistjoni mhijiex membru tal-koperattiva, lesti biex xorta waħda jiġbdulha l-attenzjoni.

Mistoqsija jekk jiltaqgħux ma’ każi fejn meta jwasslu lit-tfal isibu l-iskejjel magħluqa, kemm Falzon u anke Said qalu li dawk tal-Gvern jiftħu kmieni, iżda numru mill-iskejjel privati u tal-Knisja jsibuhom magħluqa. Fil-fatt appellaw biex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.

“Ġieli naslu bit-tfal fis-sebgħa u l-iskejjel xorta waħda jkunu magħluqa. Nitfu l-vannijiet u nistennew mat-tfal. Ġieli nimblukkaw it-triq,” spjegalna Said li huwa s-Segretarju tal-Koperattiva. “Ikollok tfal tal-kindergarten se tħallihom waħedhom?”

‘Ġieli l-ġenituri stess jitolbuna li ngħaddu kmieni għat-tfal’

Iżda tal-vannijiet għalfejn jgħaddu għalihom daqshekk kmieni? 

Kemm Falzon u anke Said insistew li huma l-iskejjel li għandhom jiftħu qabel u li ġieli jkun hemm ġenituri li jagħmlulhom pressjoni biex jiġbru lit-tfal kmieni, minħabba li jkunu qed jaħdmu.

Emanuel Falzon u Justin Said
Emanuel Falzon u Justin Said

“Anke waranofsinhar. Trid iżżomm f’moħħok fejn se twassal lit-tfal, għax daqqa għand iz-zija u daqqa għand in-nanna,” kompla jgħidilna Said.

‘Minħabba n-nofstanhari nitgerfxu u t-tfal jispiċċaw jistennew’

Il-kelliema saħqu magħna li sfida oħra li jiltaqgħu magħha hija meta l-iskejjel ikunu bin-nofstanhari.

“L-ebda skola ma tispiċċa fl-istess ħin. Aħna rridu nħabblu moħħna biex nirranġaw u naqdu lil kulħadd u tfal ġieli jispiċċaw jistennewna,” qalilna Said.

Fil-fatt, Falzon spjega kif il-Koperattiva ilha snin twal tissuġġerixxi li l-iskejjel kollha jaqtgħu n-nofstanhari, biex kollha jżommu l-istess slots. “Jekk hemm bżonn jispiċċaw ġimgħa jew ħmistax qabel.”

‘Żdied ħafna x-xogħol u kellna ninvestu ħafna flus’

L-uffiċjali fakkru wkoll li fl-aħħar xhur, ġaladarba aktar ġenituri qed jagħmlu użu mit-trasport b’xejn, ix-xogħol tagħhom żdied ħafna.

“Il-membri tagħna diġà għamlu investiment ta’ €2.5 miljun biex biddlu l-vannijiet tagħhom ma’ oħrajn akbar biex jaqdu aktar nies,” spjegalna Falzon.

Said spjegalna kif ħafna qed jixtru vannijiet li jesgħu 19-il passiġġier jew aktar u li kull wieħed, apparti l-permessi meħtieġa, jiswa madwar €73,000

“Aħna bla sussidji u bla xejn,” qalilna Said. “Nippruvaw naqdu lil kulħadd.”

‘Hemm bżonn aktar koordinazzjoni bejn l-iskejjel’

Marbut ma’ dan, Falzon appella għal aktar koordinazzjoni bejn l-iskejjel, biex ix-xufiera jkunu jistgħu jippjanaw aħjar ix-xogħol u l-vjaġġi tagħhom.

“Jekk kultant żmien l-iskejjel kollha jorganizzaw laqgħat għall-għalliema, għalfejn ma jkunux fl-istess ġurnata?” staqsa Falzon.

“Hekk aħna nkunu nistgħu nippjanaw aħjar, nużaw dawk il-ħinijet biex nagħmlu service tal-vann jew indaħħlu xogħol ieħor, mhux nispiċċaw b’idejna fuq żaqqna,” kompla jispjegalna. “Hemm bżonn naħdmu aktar flimkien.”

More in Politika