Malta tirreġistra żieda qawwija fil-ħruġ ta’ permessi għar-residenza

F’sena waħda biss Malta rreġistrat żieda ta’ 25% fil-permessi għar-residenza mogħtija lil ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea

Fi tmien snin Malta rreġistrat żieda qawwija fl-għadd ta’ permessi għar-residenza mogħtija lil dawk il-persuni li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Skont statistika riċenti tal-Eurostat, fl-2017 biss, Malta ħarġet permess għar-residenza lil madwar 25,871 persuna.

Dan l-ammont huwa ħafna akbar minn dak irreġistrat fl-2009, meta skont l-istess statistika, f’Malta nħarġu 4,608 permessi għar-residenza.

Ħlief għas-snin ta’ bejn l-2009 u l-2012, iż-żieda qed tkun waħda sostanzjali kull sena.

L-akbar żieda kienet irreġistrata bejn l-2013 u l-2014. F’sena waħda biss, il-permessi għar-residenza żdiedu bi ftit inqas minn 6,000, hekk kif fl-2009 kienu nħarġu 9,934 permess filwaqt li fis-sena ta’ qabel dan ingħata lil 15,342 persuna.

Fis-snin ta’ wara, l-ammont kompla jiżdied b’mod sostanzjali hekk kif inħarġu 18,678 permess fl-2015 u 20,661 permess fl-2016 biex sas-sena ta’ wara, jiġifieri l-2017, dawn reġgħu żdiedu b’5,210 permessi.

Għaliex l-aktar li nħarġu permessi għar-residenza?

F’dan il-każ, permess għar-residenza jfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ pajjiż  membru tal-Unjoni Ewropea biex persuna li tkun ġejja minn pajjiż terz tkun tista’ tibqa’ għal żmien itwal fit-territorju tagħha.

Dan il-permess ikun validu għal minn tal-inqas tliet xhur. Permess għar-residenza jingħata għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba xogħol, edukazzjoni, raġunijiet familjari u oħrajn.

Mit-total ta’ permessi għar-residenza mogħtija f’Malta fl-2017, il-maġġoranza, jiġifieri 12,824 permess, ingħataw għal raġunijiet ta’ xogħol, jiġifieri lil dawk il-persuni li ġew Malta biex jaħdmu.

7,761 permess għar-residenza nħarġu minħabba raġunijiet familjari, filwaqt li 1,514 ingħataw lil studenti minn barra mill-Unjoni Ewropea li kienu qed jistudjaw Malta.

U għalkemm kienu japplikaw dan il-permessi?

Apparti minn hekk, skont l-istess statistika, il-maġġoranza assoluta tal-permessi maħruġa fl-2017, jiġifieri 23,165 permess, kienu validi għal 12-il xahar jew inkella aktar.

2,267 permess kienu validi għal bejn sitt xhur u 11-il xahar, filwaqt li 439 persuna ngħataw permess biex jibqgħu Malta għal bejn tlieta u ħames xhur.

Malta kif tikkumpara mal-bqija tal-Istati Membri?

Malta rreġistrat it-tielet l-akbar żieda fl-għadd ta’ permessi għar-residenza mogħtija lil ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea.

Malta kklassifikat wara l-Ungerija li fl-2017 irreġistrat żieda ta’ 113% fil-permessi mogħtija fuq is-sena ta’ qabel u l-Bulgarija li rreġistrat żieda ta’ 41% fuq l-2016.

Jekk wieħed iqabbel l-2017 mal-2016, Malta rreġistrat żieda ta’ 25% fl-għadd ta’ permessi għar-residenza maħruġa. Għalkemm ħafna inqas mill-Ungerija u l-Bulgarija xorta ħafna aktar mill-medja Ewropea ta’ 5%.

Ħlief għall-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, ir-Rumanija, il-Greċja u anke l-Italja, il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea rreġistraw żieda fl-għadd ta’ permessi għar-residenza maħruġa.

Fil-fatt l-Italja kienet ukoll l-uniku stat membru li rreġistra tnaqqis fost dawk il-pajjiżi bl-akbar ammont ta’ permessi għar-residenza.

More in Politika