'Il-korpi regolatorji tal-industrija tal-bini m’għandhomx ir-riżorsi biex jaħdmu' - AD

'L-awtoritajiet regolatorji fl-industrija tal-bini, ħafna drabi jaġixxu qieshom kaxxa tal-ittri' jgħid l-AD

Waqt konferenza stampa dar il-kollass ta’ dar f’dawn l-aħħar jiem iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo saħaq li l-AD lha s-snin tenfasizza li l-ilmenti tar-residenti fuq żvilupp mill-industrija tal-bini, ħafna drabi żvilupp intensiv f’żoni residenzjali, mhux mogħti piż u konsiderazzjoni biżżejjed.

"Bosta drabi huma l-awtoritajiet stess li jinjoraw dawn l-istess ilmenti. Dan qed iwassal għal kwalità ta’ ħajja baxxa f’ambjent urban ikkontaminat," saħaq Cacopardo.

Cacopardo qal ukoll li, il-kollass ta’ tliet binjiet, tnejn minnhom fi tlett ijiem iktar kmieni din il-ġimgħa, assoċjat ma siti fejn qed isir iskavar, hu ta’ tħassib kbir, imma ma jissorprendiniex. "Fortunatament ma kienx hemm imwiet, kuntrarju għall-passat qarib."

Dwar is-sospensjoni tal-Gvern ghall-permessi ta' twaqqigħ u iskavar, Cacopardo qal li, "dan jixhed li l-korpi regolatorji tal-industrija tal-bini m’għandhomx ir-riżorsi biex jagħmlu xogħolhom, u fil-fatt m’humiex jagħmluh."

Żied jgħid li din hux l-ewwel darba li ġraw dawn l-inċidenti u li ma ġrawx iktar minnhom hu mertu tal-parti l-kbira tal-operaturi u professjonisti fl-industrija tal-bini li jaħdmu b’attenzjoni. Ċertament li mhux mertu tal-awtoritajiet li iktar iva milli le huma passivi wisq.

"L-awtoritajiet regolatorji fl-industrija tal-bini, ħafna drabi jaġixxu qishom kaxxa tal-ittri (letterbox): jirċievu rapporti u korrispondenza u ftit li xejn jaġixxu fuqhom u dwarhom."

Fi tmiem il-konferenza Cacopardo qal li, "ir-regolamenti ta’ emerġenza li ser jippubblika l-Gvern f’dawn il-ġranet jistgħu jimlew vojt temporanju. Li hu meħtieġ mhux dan iżda riżorsi adegwati biex l-industrija tal-kostruzzjoni tkun sorveljata sewwa u l-ħin kollu. Hu biss b’dan il-mod li dawk il-ftit li m’għandhomx rispett lejn il-komunità residenzjali fiz-zoni urbani tagħna jinġiebu f’sensihom."

More in Politika