It-tfajla ta’ Jordan Azzopardi arrestata wara li allegatament ippruvat ixxaħħam xhud

Fis-seduta li għaddiet it-tfajla kienet inħelset mill-arrest ... eks impjegat jixhed kontra Azzopardi jgħid li kien jaqfilhom ġo gaġġa

Jordan Azzopardi
Jordan Azzopardi

Hekk kif illum kompla jinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi ta’ 29 sena li qiegħed jkun mixli b’madwar 15 il-akkuża fosthom traffikar tad-droga eroina, kokaina u kannabis, it-tfajla tiegħu reġgħet spiċċat arrestata wara li allegatament hi ppruvat ixxaħħam xhud b’pagament ta’ €20,000.

Fis-seduta ta’ qabel it-tfajla ta’ Azzopardi kienet diġà inħelset mill-arrest iżda illum hi sabet ruħha lura fl-iżbarra wara li eks impjegat tal-istess Azzopardi xehed fil-Qorti li t-tfajla ta’ Azzopardi ċemplet u offrietlu €20,000 biex jigdeb taħt ġurament. Allegatament it-tfajla offriet, €10,000 qabel u €10,000 wara li huwa jkun ta x-xhieda tiegħu fil-Qorti

Apparti minn hekk il-Qorti semmgħet kif diversi nies oħra avviċinawh biex jagħti verżjoni differenti fil-qorti fosthom it-tifel ta’ Azzopardi. Fl-istess waqt it-tfajla hedditu li se taħraqlu l-karozza għaliex huwa kien ħaraq tagħha. Minkejja dan fix-xhieda tiegħu kontra t-tfajla, l-eks impjegat qal li ma kellux x’jaqsam man-nirien.

L-eks impegat iddeskriva wkoll l-operazzjoni ta’ Azzopardi f’Birkirkara. “Il-bibien kellhom uffiċjali tas-sigurtà u diversi siġġijiet. Qisek qiegħed il-Maltapost. Coke, smack kollox għall-bejgħ.”

Żied jgħid li Azzopardi kien Iebes mal-impjegati tiegħu, u li dan kien iżommhom kważi ġurnata sħiħa maqfulin ġo gaġġa. “L-anqas annimal ma jixraqlu hekk," saħaq l-eks impjegat.

Wara li dan ikkonkluda x-xhieda tiegħu, l-Ispettur Mark Mercieca informha lil Qorti li t-tfajla ta’ Azzopardi se terġa’ tkun arrestata fuq il-bażi tax-xhieda tal-eks impjegat.

Jordan Azzopardi kien arrestat f’Marzu li għadda fil-Madliena. Ftit wara l-Pulizija wettqet diversi rejds f’propjetajiet tiegħu li kien qed iservu bħala laboratorju tad-droga. Rejds oħra relatati mal-operazzjoni ta’ Azzopardi kienu twettqu f’Birkirkara, fil-Gżira, fil-Marsa u fil-Blata l-Bajda.

Il-każ ikompli ġimgħatejn oħra.

More in Politika