Sidien ta' residenza fiż-Żejtun jingħataw €10,000 f'kumpens minħabba kirja baxxa

Is-sidien kienu qed jilmentaw li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet ta' qabel l-1 ta' Ġunju tal-1995 qed tiksrilhom id-drittijiet tagħhom

Sidien ta’ dar antika u kbira fil-qalba taż-Żejtun se jkunu qed jingħataw kumpens ta’ €10,000 wara li l-Qorti ddikjarat li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 hija waħda li tikser il-Kostituzzjonali.

Minħabba din il-liġi, is-sidien kienw qed jirċievu €286 fis-sena mingħand koppja għall-kirja ta’ din id-dar.

Bil-liġi, il-kirjiet kollha ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 huma protetti u għalhekk is-sidien bl-ebda mod ma jistgħu jgħollu jew ibiddlu l-kirja skont il-prezzijiet tas-suq.

Is-sidien kienu qed jisħqu li l-kirja ta’ €286 fis-sena hija baxxa wisq, tant li perit li għamel stima tal-kirja qal li din id-dar għandha tinkera għal €522.50 fix-xahar, skont il-prezzijiet tas-suq.

Fil-Qorti nstema’ wkoll kif l-inkwilini għamlu diversi xogħlijiet fid-dar biex itejbu l-kundizzjoni tagħha u ma kellhom l-ebda akkomodazzjoni alternattiva.

Is-sidien kienu qed jisħqu li l-kirja baxxa kienet qed tiksrilhom id-drittijiet tagħhom li jgawdu din il-propjetà li tagħha huma sidien u dan skont il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, iddikjarat ukoll li l-aħħar aġġornamenti fil-liġi tal-kera, fl-2009 u fl-2010 ma għenux lis-sidien li xorta waħda qed ikunu kostretti jaċċettaw kirja ħafna aktar baxxa mis-suq.

Iddikjarat ukoll li filwaqt li d-drittijiet tas-sidien kienu miksura, ftit hemm ċans li s-sidien jerġgħu jidħlu fil-pussess tad-dar hekk kif l-inkwilini llum għandhom it-tfal li jgħixu fl-istess residenza.

Kien għalhekk li l-Qorti ordnat lill-Avukat Ġeneral biex jagħti €10,000 f’kumpens lis-sidien.

More in Politika