Ċelebrazzjoni għax-xogħol bieżel tal-bdiewa u r-raħħala fin-Nadur

Titnieda l-Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat 2019 fin-Nadur 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri flimkien mas-Sindku tan-Nadur Edward Said, qed jerġgħu għal sena oħra jorganizzaw il-Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat fin-Nadur.

Waqt konferenza stampa, Camilleri qal li l-għan tal-Gvern huwa li avvenimenti bħal dawn fl-irħula tagħna jkomplu jikbru u jissaħħu u k tibqa' tingħata l-għajnuna sabiex il-bdiewa u r-raħħala jkollhom opportunità fejn jiċċelebraw il-bżulija tagħhom.

Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon li madwar 250 parteċipant se jesebixxi x-xogħol tiegħu, filwaqt li qed ikun stmat li jattendu madwar 4,000 ruħ fuq jumejn.

Minn naħa tiegħu, s-Sindku tan-Nadur Edward Said spjega kif ir-raħal tan-Nadur, magħruf għall-veduti mill-isbaħ tiegħu, u mogħni b’fost l-aqwa widien f’pajjiżna, huwa l-unika raħal fejn il-parroċċa tiegħu tiċċelebra l-festa tal-Imnarja, ad unur tal-Patruni San Pietru u San Pawl, fid-29 ta’ Ġunju.

Huwa qal li sa mit-twaqqif tal-kunsill lokali fin-Nadur, il-kunsill beda jaħseb kif jista’ joħloq attivitajiet fl-Imnarja li huma relatati mal-istorja u t-tradizzjoni. Dan ħoloq dik l-imsejħa Wirja Agrarja aktar minn 20 sena ilu, fejn din kienet tinvolvi wirja ta’ ħaxix u frott fi Pjazza l-Arċipriet Martin Camilleri. Din l-attività kompliet tikber u r-raħħala u bdiewa bdew jikkonkorru bis-sħiħ għal din l-attività.

Din l-attività hija wirja u esebizzjoni mhux biss ta’ ħaxix u frott, iżda tinkludi wkoll kull tip ta’ uċuħ tar-raba lokali, festa sħiħa ta’ artiġjanat maħdum fin-Nadur u anke fi gżiritna. Fost l-isbaħ arti tradizzjonali u anke artisti live, nies jaħdmu snajja’ tradizzjonali ‘live’, kollezzjonijiet ta’ pjanti u materjal ieħor lokali u tradizzjonali, tiżjin b’armar antik ħafna tal-Imnarja u anke fost l-aqwa arranġamenti tal-fjuri maħduma lokalment, u ħafna stands oħra.

Minbarra dan, l-istess wirja tinkludi esibizzjoni ta’ tjur, tagħti l-opportunità li jsir tberik tal-pets, ikun hemm show tal-bhejjem u żwiemel fi Triq Diċembru 13 u anke tberik, u tipprovdi lil viżitaturi ċ-ċans li jduqu ikel u xorb tradizzjonali b’xejn, u saħansitra mużika u żfin folk ma jaqta’ xejn, kif ukol għana tradizzjonali.

Il-mużika u żfin se jinkludu lil Greenfields, Spiru Sillato, Mnarja Folk Group u Ta’ Ċangura Folk Group. Kull parteċipant jingħata rigal ta’ tifkira li huwa prodott lokali, u kull min itella’ l-bhejjem jingħata rigal ieħor differenti.

Din is-sena il-Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat se ssir nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju wara it-8.00pm u l-Ħadd, 23 ta’ Ġunju wara it-8.00am.

More in Politika