Il-Labour ikaxkar b'58% u distakk ta' 47,000 ... il-PN isofri telfa umiljanti

iL-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjonijiet lokali b'58%, il-PN jikseb 40% b'distakk ta' 47,000 vot favur il-Partit Laburista

Il-PL iwettaq rebħa kbira | Ritratt ta' James Bianchi
Il-PL iwettaq rebħa kbira | Ritratt ta' James Bianchi

Is-Sala tal-Għadd tal-Voti infexxet fl-aħħar splużjoni ta' ċapċip, tisbit mal-perspex, kant u għajjat ta' 'Viva l-Labour! Viva l-Labour!' hekk kif issa sar l-għadd fil-loklalitajiet kollha fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali għall-2019. 

Il-Partit Laburista għamel rebħa kbira ħafna hekk kif kiseb 58% tal-voti kollha mitfugħa fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, 18% iktar milli kiseb il-Partit Nazzjonalista li kiseb biss madwar 40% tal-voti. Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat f'intervent ilejla fuq ONE. 

Muscat ħabbar ukoll illi d-distakk bejn il-PL u l-PN f'din l-elezzjoni huwa ta' 47,000, ammont akbar mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt il-PL kiseb 150,514-il vot u l-PN 103,398 vot, b'distakk ta' 47,100 vot. L-indipendenti kisbu 5,762 vot. 

Il-votanti Laburisti eleġġew 268 Kunsillier, filwaqt li l-votanti Nazzjonalisti eleġġew 190 Kunsillier. Kienu eletti wkoll erba' Kunsilliera indipendenti. 

Muscat, fl-intervent tiegħu,  rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-PL li kienu parteċipi fil-proċess tal-għadd tal-voti, Kunsillieri u Sindki ġodda. 

More in Politika